Waqt li kien qed jindirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-Membru tal-Parlament Ewropew u Kwestur David Casa tkellem kontra l-użu ta’ ġurisdizzjonijiet offshore. Dan wara r-rivelazzjonijiet tal-Pandora Papers, l-akbar leak ta’ dokumenti minn kumpaniji offshore sa issa.
Ħames snin wara l-Panama Papers, l-Ewropa għadha qed tiddibatti x’se tagħmel dwar sinjuruni li jużaw servizzi legali, li jiswew ħafna flus, biex jaħbu flushom.
“Ma tgħallimna xejn mill-Panama Papers,” qal David Casa waqt li kien qed jindirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, ftit ġranet biss mill-erba’ snin anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li bdiet tirraporta dwar il-Panama Papers fl-2016.
Bil-Pandora Papers, għal darb’oħra qed niftakru fil-proċessi li jaslu għalihom individwi influwenti biex jaħarbu mill-iskrutinju dwar il-flus li jkollhom u s-sors tagħhom. Fid-dawl tal-pandemija, l-affarijiet żvelati fil-Pandora Papers huma daqqa ta’ ħarta oħra fl-isforzi ta’ rkupru ekonomiku li fuqu jiddependu ħaddiema u familji onesti.
“Dawn il-flus m’għandhomx jinħbew. Xogħol il-politiċi mhux li jaħbu l-flus imma li jinvestu l-flus fiż-żgħażagħ tagħna biex isibu xogħol aħjar; f’dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-pandemija, biex isibu opportunitajiet oħra; għal dawk li tilfu l-impjiegi part-time tagħhom, biex isibu xogħol ieħor. “
David Casa rrefera għan-nuqqas ta’ fiduċja miċ-ċittadini Ewropej lejn il-politiċi li jafdawhom bi flushom, u li mbagħad jinqabdu li jkunu qed jiksru l-obbligi lejn iċ-ċittadini u l-istat.
Dan jgħodd b’mod speċjali għal dawk li kellhom bżonn kumpaniji u kontijiet offshore biex jaħbu l-qligħ ħażin tagħhom, speċjalment permezz ta’ serq, kickbacks, u ħasil ta’ flus.
David Casa appella sabiex flimkien – l-istituzzjonijiet Ewropej kollha – għandhom jingħaqdu, jgħaddu l-liġijiet meħtieġa, u jiżguraw li jiġu nfurzati. Dawk li ħbew flushom m’għandhomx isibu l-liġi fuq in-naħa tagħhom.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa saħaq li se jagħti kelmtu li se jkun minn ta’ quddiem f’din il-ġlieda, sabiex il-korrotti jħallsu għal għemilhom. Fl-aħħar nett huwa sostna li l-ġustizzja trid issir u trid tidher li qed issir. Dan nistgħu niksbuh biss jekk naħdmu flimkien.
//= $special ?>