Lokali Qorti

Sentejn u tmien xhur ħabs fuq serq minn ħanut u li sar reċidiv

Raġel ta’ 39 sena minn Ħal Tarxien ġie kkundannat sentejn tmien xhur ħabs mill-Maġistrat Nadine Lia wara li nstat ħati li seraq flus minn cash register minn ħanut fil-Fgura. Fuq is-serqa huwa ġie kundannat tmien xhur ħabs imma mar sentejn oħra fuq każ preċedenti fejn kien ingħata sentenza sospiża.

Charlot Camilleri instab ħati li seraq €500 minn ħanut li jbiegħ il-pizza u dan waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża li kien ingħata fit-23 ta’ Settembru tal-2015. Il-każ dwar is-serqa jmur lura għal perjodu ta’ bejn is-7 ta’ Mejju u l-10 ta’ Mejju 2017 meta ġie rapportat ġewwa l-għassa tal-Fgura minn certu Redent Zammit li l-lavrant li kellu, jiġifieri l-imputat, kien qieghed jitfi l-kameras tas-CCTV sabiex jeħodulu l-flus mill-cash register u jisirqu.

L-Ispettur Hubert Cini li mexxa l-każ qal li Zammit kien stqarr li ġieh suspett li kienet qed issir xi ħaġa hażina għax Camilleri kien qed jifti s-CCTV għal ftit tal-ħin u imbagħad jerġa’ jixgħelu. Ix-xhud spjega li huwa kien bagħat ghall-imputat fejn dan ta stqarrija wara li kkonsulta mal-avukat tal-għażla tiegħu.

L-imputat kien ammetta li ħa xi flus minħabba li skont hu, ma kellux flus minħabba li Zammit ma kienx qed ihallsu. Stqarr ukoll li sa dakinhar huwa kien tkellem ma’ Zammit u ftiehem miegħu li jirritona l-flus hekk kif jerġa’ jaqbad jaħdem.

Zammit fix-xhieda tiegħu stqarr illi huwa kien għamel rapport mal-pulizija minħabba li skont hu kien qabad lil Charlot Camilleri jitfilu l-cameras tal-ħanut fejn kien jahdem bhala pizzar u kull darba jsib il-kexxun tal-flus vojt. Spjega li kien ikun hemm okkazjonijiet fejn l-imputat kien ikun waħdu fil-ħanut minhabba li kien jibqa’ tal-ahhar biex inaddaf.

Meta kkonfrontah fuq il-flus nieqsin, l-imputat stqarr li kien ħa €500 u ftehmu li jagħtihomlu lura bin-nifs, biss li dawn baqgħu ma waslux. Ix-xhud ippreżenta għadd ta’ filmati CCTV, screenshots ta’ messaġġi kif ukoll reġistrazjonijiet ta’ konversazzjonijiet li kellu mal-imputat.

Redent Zammit ikkonferma wkoll li kien ġie imhallas u kumpensat tal-ammont kollu dovuti lilu u li min-naħa tiegħu kien qed jaħfer lill-imputat ta’ dak kollu li kien għamel. Il-prosekuzzjoni esebit żewġ sentenzi u għandu jinghad li dawn kienu wkoll dwar serq.

Fis-16 ta’ April 2012 l-imputat kien ġie misjub ħati ta’ serq u bl-applikazzjoni tal-artikolu 22 tal-Kapitolu 446 tal-Ligijiet ta’ Malta kien ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jikkomettiex reat ieħor fi żmien tliet snin mid-data tas-sentenza. Minn dak li rat u eżaminat il-Qorti jirrizulta li din trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputat iżda trid ssib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà in generali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax jigi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtiega lill-pubbliku.

L-imputat donnu ma jridx jirriforma ħajtu għalkemm ingħata diversi opportunitajiet mill-Qorti sabiex jagħmel u l-Qorti temmen illi l-imputat għandu bżonn serjament jindirizza l-imġieba tieghu. Il-Qorti għalhekk, in vista li huwa evidenti li l-imputat kiser il-fiduċja mogħtija lilu diversi drabi, kif ukoll għaliex għandha r-responsabilità tara li s-soċjeta tiġi salvagwardjata mill-atti kriminali tiegħu, tqis li għandha timponi piena karċerarja effettiva fuqu.