Futbol Sport

Spanja fil-finali…l-ewwel telfa għall-Italja wara 37 partita

(Ritratt: EPA)

Spanja se jkunu qed jilgħabu fil-finali ta’ nhar il-Ħadd li ġej tal-UEFA Nations League meta fis-semifinali għelbu lill-Italja 2-1. Din kienet l-ewwel telfa tal-Italja f’37 partita fejn matul dawn il-partiti rnexxielhom ukoll jirbħu l-Euro 2020.

Bidu mill-aqwa għal Spanja hekk kif marru fil-vantaġġ wara 17-il minuta meta kien l-attakkant ta’ Manchester City, Ferran Torres li kkonkluda b’xutt b’saħħtu cross ta’ Mikel Oyrazabal. Minkejja dan l-Italja wettqu reazzjoni pożittiva fejn ħolqu numru ta’ azzjonijiet perikolużi lejn il-lasti ta’ Unai Simon. Daqqa ta’ ħarta għall-Italja hekk kif fit-42 minuta sfaw jilagħbu bi player anqas meta tkeċċa Leonardo Bonucci għat-tieni karta safra.

Spanja approfittaw minn dan u fil-ħin mogħti żejjed kien għal darb’oħra Ferran Torres li b’daqqa ta’ ras tajba fuq cross ta’ Oyrazabal għamilhom 2-0 u kompla jagħmel it-triq għall-Italja aktar diffiċli wara li sfaw jilagħbu bi player anqas. L-Italja daħlu fil-partita fit-83 minuta meta minn kontrattakk veloċi kien Federico Chiesa li qassam lejn Lorenzo Pellegrini li kkonkluda f’lasta vojta għal 2-1, fejn minkejja dan Spanja rnexxielhom iżommu r-riżultat sat-tmiem.

Intant għada tintlagħab it-tieni semifinali dik bejn Belġju u Franza.