Edukazzjoni Lokali

Twaqqaf b’mod immedjat ix-xufier li allegatament ħalla studenta weħidha fil-vann

Twaqqaf b’mod immedjat ix-xufier involut fil-każ tat-tifla ta’ 3 snin li allegatament tħalliet weħidha fil-vann għal sigħat sħaħ. Issa ġie konfermat illi x-xufier twaqqaf milli jopera fuq l-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti.

Wara li l-mezzi tax-xandir irrappurtaw dan il-każ tat-tifla li ma niżlitx minn fuq it-trasport allokat għas-servizz ta’ Klabb 3-16 wara l-ħin tal-iskola, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ta struzzjonijiet biex dan il-każ ikun investigat b’reqqa u biex tittieħed kull azzjoni li hi meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.

Il-bord ta’ investigazzjoni huwa magħmul mill-eks Imħallef Philip Sciberras, mill-eks Assistent Kummissarju Josie Brincat u minn Salvina Muscat, edukatriċi rtirata u eks assistent direttur fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Il-każ ta’ din it-tifla ġie żvelat mill-media indipendenti, u kien biss tard illejla li l-Ministeru tkellem dwar dak li seħħ.

Rapporti qed jindikaw kif omm it-tifla kienet ixxukjata b’dak li seħħ. Filwaqt li ommijiet oħra irrimarkaw dwar il-fatt li s-servizz tat-trasport qed ikollu diversi problema.