Il-Ministru Carmelo Abela – il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mix-Xandir Nazzjonali – ħarab milli jipparteċipa fi programm ta’ diskussjoni ‘KontraKurrent’ fuq NET Television li tratta propju l-mod kif il-PBS qed titmexxa b’tali mod li jwassal il-messaġġ partiġġjan tal-Partit Laburista.
Din is-sitwazzjoni qed tħasseb lil ħafna, li qed jgħidu li x-Xandir Nazzjonali għandu jkun għal kulħadd u mhux ixaqleb lejn naħa waħda biss tal-isfera politika. Dan meta l-mod kif qed titmexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS qed tkun b’mod sfaċċat favur il-Partit Laburista, filwaqt li temarġina għalkollox il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda minflok ma jaraw li jkun imwieġeb dan it-tħassib, dawk qrib il-Prim Ministru f’Kastilja ordnaw lill-Ministru Carmelo Abela biex ma jattendix għall-programm u minflok, intbagħat il-Backbencher Jonathan Attard.
Mistoqsi mill-preżentatur Roderick Agius, u ffaċċjat bit-tħassib espress mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, id-Deputat Laburista kkonferma kemm il-Gvern ta’ Robert Abela ma jafx kif tista’ ssir ir-Riforma fix-Xandir tal-Istat – skuża konvenjenti għan-nies ta’ Kastilja.
Matul il-ġlieda għal-Leadership tal-Partit Laburista, Robert Abela kien qal li, f’każ li jkun elett, se jara li r-Riforma tinbeda malajr kemm jista’ jkun. Iżda wara kważi sentejn, l-unika riforma li saret fix-Xandir tal-Istat kienet li l-programmi ta’ diskussjoni jkunu ddettati b’listi ċċensurati minn ġimgħatejn qabel.
Fid-dawl ta’ dan kollu, id-Deputat Laburista spiccċċa kważi ammetta li l-iskeda tax-Xandir tal-Istat qisha xi waħda tal-Partit Laburista meta uża l-kliem “niedejna skeda”, daqs li kienet l-iskeda tal-media Laburista.
Filwaqt li ma weġibx dwar il-qagħda finanzjarja mwegħra li tinsab fiha l-PBS, Jonathan Attard iddefenda l-ħabi fil-mod kif isiru l-ħlasijiet għall-produzzjonijiet tal-programmi.
Attard hu magħruf sew fil-Partit Laburista kemm hu qrib il-Mexxej Robert Abela. Tant hu hekk li hu ntagħżel direttament mil-Leader għall-co-option biex jimla’ s-siġġu li battal l-eks Ministru Manuel Mallia.
//= $special ?>