Lokali

AĠĠORNATA: Evakwati r-residenti ta’ Triq il-Ħarrub fl-Imsida

Il-Pulizija ġew imsejħa fi Triq il-Ħarrub fl-Imsida kmieni dalgħodu wara li daħlet informazzjoni fuq suspett ta’ splussiv jew bomba li setgħet tpoġġiet ma’ karozza.

Fil-post kien hemm preżenza kbira ta’ Pulizija u ssejħu wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Jidher li r-rapport inizjali li sar lill-Pulizija kien dwar taqlib li persuna sab fil-karozza tiegħu. U bħala prekawzjoni, issejħu l-membri tal-Explosives Ordnance Disposal (EOD). Dan wara dubji li seta’ kien hemm xi splussiv.

Crew ta’ Net News li marru fil-post ikkonferma li ġew evakwati r-residenti ta’ din it-triq u anke xi impjegati ta’ kumpaniji li joperaw fil-viċin. Preżenti wkoll kien hemm membri mit-Taqsima tal-Forensika.

Għal ħin twil, Triq il-Ħarrub inżammet magħluqa, izda issa jidher li kollox irritorna lura għan-normal.

Ritratt: Martin Agius