Olaf Scholz, il-kap taċ-ċentru-xellug li kiseb vantaġġ minimu fl-elezzjonijiet federali tax-xahar li għadda, għamel pass sinifikanti ‘il quddiem lejn il-konferma tiegħu bħala Kanċillier ġdid tal-Ġermanja.
Fil-fatt, f’anqas minn ġimgħatejn mindu s-Soċjali Demokratiċi – jew il-Partit SPD – kisbu s-suċċess fil-vot għall-Parlament, il-Partit tal-Ħodor u l-Partit liberali FDP ( favur il-kummerċ ħieles) bdew l-ewwel fażi ta’ taħditiet esplorattivi lejn koalizzjoni mal-istess SPD taċ-ċentru-xellug.
Din hi l-ewwel darba li t-tliet partiti qed jiltaqgħu biex jiddiskutu koalizzjoni potenzjali, iżda fadal l-ostakoli x’jingħelbu sakemm huma jikkonkludu t-tellieqa għall-konferma tal-Kanċillier suċċessur għal Angela Merkel.
Il-Ħodor u l-FDP iħollu u jorbtu għal kull koalizzjoni ġdida f’Berlin, b’Merkel, għalissa, qed tkompli taqdi l-funzjoni ta’ Mexxejja nazzjonali għal żmien proviżorju.
It-taħditet bejn Scholz u t-tmexxija tal-Ħodor u l-FDP qed jitqiesu wkoll bħala daqqa ta’ ħarta lill-Kap tal-Partit CDU (konservattiv) Armin Laschet li l-partit tiegħu sofra l-agħar riżultat elettorali fl-istorja moderna tal-Ġermanja.
U waqt li Laschet ma jidhirx li qata’ qalbu li jifforma Gvern, Markus Soder, li jmexxi lill-Partit CSU – is-sieħeb tas-CDU ibbażat fil-Bavarja – fisser l-aħħar żviluppi bħala ‘ċaħda għal Gvern Ġermaniż ġdid immexxi mill-konservattivi.’
Għalkemm il-Ħodor u l-FDP spiċċaw it-tielet u r-raba’ fl-elezzjoni ta-xahar li għadda, il-partiti li huma l-aktar popolari mal-votanti Ġermaniżi żgħażagħ.
Fl-elezzjoni tas-26 ta’ Settembru fil-Ġermanja, l-alleanza CDU/CSU kienet kisbet 24.1 fil-mija tal-appoġġ popolari waqt li s-Soċjal Demokratiċi rebħu 25.7 fil-mija tal-vot nazzjonali u l-aktar siġġijiet fil-Parlament ta’ Berlin.
//= $special ?>