Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jara li ħadd ma jibqa’ lura – Bernard Grech

Kemm hu sabiħ tara l-għożża fil-Familja, partikolarment ir-rabta mill-qrib bejn in-nanniet u n-neputijiet, b’appoġġ lejn il-ġenituri quddiem l-isfidi li jiffaċċjaw.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività soċjali u ta’ funraising fil-Każin tal-Partit fir-Rabat, fejn irringrazzja lil dawk preżenti għall-impenn tagħhom b’risq il-Partit u għall-kuraġġ li jagħmlulu, bħala baħrin tal-maltemp u mhux biss tal-bnazzi.

Fil-fatt, hu semma’ kif l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienu essenzjali biex il-Partit ikompli joħloq il-ġid u biex ħadd ma jibqa’ lura.

Bernard Grech fakkar kif dejjem kellu jkun Gvern Nazzjonalista biex inaddaf isem pajjiżna. U bħalma kien Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami fl-1987 li rranġa l-ħsara li ħalla warajh il-Gvern Laburista, l-istess se jkun qed jagħmel Gvern ġdid immexxi minnu, fost l-oħrajn billi joħroġ lil pajjiżna mill-greylist tal-FATF fi żmien tliet xhur.

Fil-preżenza ta’ diversi Kandidati tal-Partit għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal lil dawk preżenti biex ikomplu jwasslu l-messaġġ tal-Partit ħalli anke huma jkunu parti mill-Bidla li għandu bżonn il-pajjiż u li minnha jgawdu uliedna lkoll.