Internazzjonali

Il-Ġermanja: Eks gwardjan Nażista jibda għaddej ġuri…fl-età ta’ 100 sena

Eks gwardjan Nażista li għalaq il-100 sena beda għaddej ġuri fejn irid iwieġeb għal akkużi li, matul it-Tieni Gwerra, għen fl-omiċidju ta’ aktar minn 3,500 priġunier fil-kamp tal-konċentrament ta’ Sachsenhausen, viċin ta’ Berlin.

Il-proċess qed isir taħt sigurtà stretta fil-ħabs ta’ Brandenburg an der Havel, proprju 76 sena wara t-tmiem tal-gwerra. Intant, l-akkużat – magħruf bħala Josef S – qed ikun mixli bħala kompliċi fil-qtil ta’ priġunieri tal-gwerra Sovjetiċi li spiċċaw iffuċillati u ta’ oħrajn li mietu vvelenati bil-gass Zyklon B.

Dan hu proċess mill-aktar sinifikanti meta qed jagħfas iż-żmien biex il-kriminali Nażisti li baqgħu ħajjin ikunu proċessati għal reati kontra l-bniedem fil-Ġermanja Nażista u ‘il hinn minnha matul it-Tieni Gwerra. Fil-fatt, Josef S hu l-aktar imputat anzjan li tressaq il-qorti biex iwieġeb għal dawn ir-reati bħala parti minn politika biex issir il-ġustizzja anki man-Nażisti anzjani bi grad baxx.

Il-kundanna, għaxar snin ilu, tal-eks gwardjan (Nażista) tal-SS, John Demjanjuk, ippermettiet biex il-prosekuturi jakkużaw anki lin-nies ‘li  għenu u appoġġjaw is-sensiela ta’ reati mwettqa min-Nażisti matul is-snin ta’ gwerra’.

Sadanittant, Josef S mhux beħsiebu jitkellem waqt il-proċess u għandu jħalli l-avukat tiegħu ‘biss’ imexxilu d-difiża. L-imputat kellu biss 21 sena meta sar gwardjan f’ Sachsenhausen fl-1942 u l-proċess tiegħu mistenni jkompli sa Jannar.