L-Alleanza tan-NATO keċċiet tmien diplomati tar-Russja li akkużathom bħala spjuni ta’ Moska. Id-diplomati, allegatament, kienu qed jaħdmu minn taħt biex jiġbru informazzjoni sensittiva bil-għan li jgħadduha lill-Kremlin ta’ Moska, bl-iżviluppi jindikaw kriżi ġdida bejn in-NATO u l-Gvern Russu mmexxi mill-President Vladimir Putin.
Fl-aħħar sigħat in-NATO deċidiet li tnaqqas bin-nofs (għal għaxar membri) il-missjoni diplomatika tar-Russja li qed taħdem fil-kwartieri tal-alleanza militari tal-Punent fi Brussell, fil-Belġju. Din hi l-ewwel darba li n-NATO ħadet azzjoni bħal din fil-konfront ta’ Moska mindu keċċiet seba’ diplomati Russi mill-istess missjoni wara l-ivvelenar, fl-2018, ta’ eks-membru tas-servizzi sigrieti tar-Russja u bintu li kien seħħ f’Salisbury, fl-Ingilterra.
Sadanittant, ir-Russja esprimiet rabja għall-aħħar aġir tan-NATO, b’uffiċjali f’Moska jtennu li l-Punent ‘qed jitratta mar-Russja daqslikieku qed jitratta mal-babaw’. Il-kelliema f’Moska qalu wkoll li l-Punent qed jippersisti bil-politika ta’ konfrontazzjoni mar-Russja fuq livell diplomatiku.
Madankollu, is-Sky News irrappurtat li l-aħħar tkeċċijiet seħħew ‘bi tweġiba għal attivitajiet malinni li jinvolvu l-ispjunaġġ flimkien ma’ każi ta’ qtil’.
Ir-relazzjonijiet bejn in-NATO u r- Russia ilhom ħżiena mindu r-Russi, fl-2014, ħatfu l-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqduha ma’ arthom.
L-uffiċjali tan-NATO qalu li l-politika tal-Alleanza rigward Moska baqgħet konsistenti u li ‘issaħħaħ id-deterrent għall-azzjonijiet aggressivi ta’ Moska anki waqt li baqgħu miftuħin il-mezzi kollha għal djalogu (mar-Russja).’
Intant, membri tal-Parlament Russu ċaħdu l-akkużi tan-NATO bħala mingħajr bażi u wissew li ċ-ċirkostanzi se jikkumplikaw aktar ir-relazzjonijiet bilaterali. Mhux eskluż li r-Russja tirreaġġixxi għat-tkeċċija tad-diplomati għalkemm sal-bieraħ ma dehru l-ebda forom ta’ ritaljazzjoni min-naħa ta’ Moska.
//= $special ?>