Għal raġuni inspjegabbli, il-Ministri jibqgħu ma jikkundannawx lil Konrad Mizzi.
Wara x-xenati li rajna mill-membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-Erbgħa waranofsinhar, fejn baqgħu jippruvaw jaraw kif se jiddefendu lill-eks Ministru tal-Electrogas, aktar Ministri tal-Gvern jibqgħu jitkellmu dwar Mizzi daqs li kieku dan qatt m’għamel xejn ħażin.
In-Nazzjon staqsa lill-Ministru Ian Borg għalfejn qed jibqgħu isostnu din il-pożizzjoni, u wara li pprova jilgħabha li ma jafx x’inhu jiġri, qalilna li hu jaqbel ma’ dak li jgħidu u jagħmlu sħabu, avolja ma kienx jaf eżatt x’qalu u x’għamlu.
L-istess mistqosija, ċioè għalfejn id-Deputati Laburisti qed jibqgħu jiddefendu lil Konrad Mizzi, għamilniha lil Ministru Miriam Dalli, li illum hi responsabbli propju mis-settur tal-energija.
Iżda hi baqgħet iddawwar il-kliem fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.
Madankollu, minkejja li l-Ministri kollha qed jibqgħu iżommu soda d-difiża ta’ Konrad Mizzi, anke jekk keċċewh huma stess, għal xi raġuni, il-proġett skandaluż tal-Electrogras jibqa’ mażżra m’għonqhom, minkejja l-iskumdità evidenti li jġib miegħu, kif uriet anke il-Ministru Dalli. Dalli filfatt dehret imdarrsa ferm għar-referenza li għamilnilha lejn ir-rabta tagħha mal-proġett tal-eks Ministru Konrad Mizzi.
Minkejja kollox, Miriam Dalli tibqa’ b’idejha marbuta bi proġett li fisser l-akbar nefqa minn flus il-Maltin minn żmien l-Indipedenzna l’hawn u li s’issa ssarraf biss fi skandlu wara l-ieħor, u f’allegat commissions lill-Ministri.
Dan id-deal mal-Electrogas kien saħansitra kundannat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Iżda sal-lum, il-PM Robert Abela għadu ma għamel xejn biex il-poplu ma jibqax jinsteraq – filwaqt li l-familji, fl-aħħar jiem, sabu fil-posta tagħhom kontijiet ferm aktar għoljin mis-soltu.
//= $special ?>