Lokali

“Kif se ngħixu jekk se tieħdulna l-ħobża ta’ kuljum?” – sajjieda li jużaw ix-xatt ta’ Wied il-Għajn

“Aħna m’aħniex xi sinjuri… M’għandniex l-eluf biex nixtru cabin cruise… Naqilgħuha u nikluha… Kif se ngħixu?”

Kien dan wieħed mill-ħafna kummenti tas-sajjieda li se jkunu qed jitilfu l-ħobża ta’ kuljum u ma jkollhomx biex imantnu lill-familja jekk il-Gvern ta’ Robert Abela jagħżel li jibqa’ għaddej romblu minn fuqhom u ssir il-marina fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala.

Is-sajjieda saħqu li huma diġà għandhom ftit postijiet fejn jistadu max-Xatt u jniżżlu d-dgħajjes biex joħorġu ‘l barra.

Huma saħqu li anke jekk tingħata biss biċċa art żgħira, il-baħar tal-madwar se jitħammeġ u ma jkunx tajjeb biex jistadu fih.

NET News tkellem ma’ sajjied, Jason Genovese, li spjega wħud mill-problemi li se jgħaddu minnhom, flimkien mat-telf tal-impjieg tagħhom.

Min-naħa tagħha, ir-residenta Skalina, Jacqueline Rotin, saqsiet x’jiġri jekk Malta ma tkunx tista’ timporta l-ikel u jkollha sserraħ biss fuq dak lokali.

Preżenti għall-attività kien hemm il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali u Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, John Baptist Camilleri, li saħaq li dak li jkun irrovinat ma terġax iġġibu lura.

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-għaqda non-governattiva Graffitti ngħaqdu fl-appell biex il-proġett ikun irtirat kompletament u kollox jieqaf hemm.

Ritratti: Martin Agius