Aktar kmieni lllum l-Oppożizzjoni talbet li ssir laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex. It-talba f’isem l-Oppożizzjoni saret mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Membri Parlamentari Kevin Cutajar u Joe Ellis.
Permezz ta’ talba li saret liċ-Chairman tal-Kumitat, il-Ministru Anton Refalo, bħala Oppożizzjoni ġbidna l-attenzjoni għall-fatt li minkejja li issa għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta l-Avukati kollha li jipprattikaw u jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ħadu azzjoni li permezz tagħha mhux qed jattendu għas-seduti li qed jinżammu fil-Qorti ta’ Għawdex, il-Gvern baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni biex jindirizza din is-sitwazzjoni.
L-Oppożizzjoni tfakkar li fost oħrajn jirriżulta li fil-Qorti t’Għawdex:
- Hemm nuqqas kbir ta’ staff imħarreġ u ikkwalifikat fosthom għad m’hemmx Assistent Reġistratur;
- M’hemm l-ebda Marixxalli li jaħdmu fuq bażi full-time f’Għawdex bil-konsegwenza li n-notifika ta’ atti ġudizzjarji mhix qed issir fil-ħin;
- Il-bini tal-Qorti ta’ Għawdex mhux wieħed aċċessibbli u m’hemmx ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà;
- Dokumenti li jiġu ppreżentati fil-Qorti ta’ Għawdex mhux qegħdin jiġu pproċessati u għalhekk mhux qed jaslu quddiem il-Maġistrati fil-ħin; u
- Mhu qed isir l-ebda skenjar diġitali ta’ dokumenti u jeżistu diffikultajiet kbar biex dokumenti jkunu jistgħu jiġu rintraċċjati.
Minkejja dan kollu l-Gvern Laburista, b’mod partikolari l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, qegħdin jibqgħu ċassi u ma jagħmlu xejn biex il-Qorti ta’ Għawdex tkun tista’ taħdem b’mod effiċjenti u effettiv kif inhu xieraq f’demokrazija b’saħħitha.
Din l-attitudni tal-Gvern qed twassal għal inġustizzji kbar ma’ kull ikun jeħtieġlu jersaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu u turi n-nuqqas ta’ rispett mill-Gvern lejn il-ħaddiema kollha tal-Qorti, il-professjonisti legali u l-ġudikanti li kollha jaqdu rwol essenzjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’Għawdex.
//= $special ?>