Mietu talanqas 20 persuna b’kaġun ta’ terremot li laqat il-provinċja ta’ Bolchistan, lejn in-naħa t’isfel tal-Pakistan. L-awtoritajiet għall-emerġenzi, intant, kienu kważi ċerti li ċ-ċifra tal-vittmi se tiżdied fost is-sinjali li ħafna tilfu ħajjithom wara li l-bini fiz-zona tal-impatt ċedew direttament għal fuqhom.
L-indikazzjonijiet huma li ħafna mill-vittmi huma nisa u tfal, bil-Prim Ministru tal-Pakistan, Imran Khan, joħroġ direttiva biex tingħata għajnuna immedjata fuq bażi ta’ emerġenza lir-residenti mġarrbin fil-Balochistan.
It-terremot qattiel irreġistra 5.9 fuq l-Iskala Richter u fl-aħħar sigħat kienet għaddejja evalwazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni. Dan fost konferma li ndarbu talanqas 150, b’uħud jittieħdu l-isptar f’kundizzjoni kritika. Intant, it-tobba u paramediċi mal-militar Pakistani wkoll qegħdin jgħinu l-impenji ta’ emerġenza fl-inħawi li ntlaqtu l-agħar mit-theżżiża.
L-aħħar rapporti qalu li kkrollaw ‘il fuq minn 100 residenza magħmulin mit-tajn, b’numru kbir ħafna ta’ bini jġarrbu l-ħsarat, bil-konsegwenza li mijiet ta’ nies fl-inħawi tat-terremot jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom.
//= $special ?>