Budget 2022 Lokali

Net TV u Net FM b’xandiriet speċjali b’rabta mal-Budget 2022

It-Tnejn 18 ta' Ottubru fejn Net TV u Net FM ixandru d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bħala replika għall-Budget

Nhar it-Tnejn li ġej, Net TV u Net FM se jkunu qed iwasslu xandiriet estensivi u bi spjegazzjoni dettaljata dwar il-Budget li se jiġi preżentat fil-Parlament.

It-tmexxija tal-istazzjonijiet Net ħasbet sabiex twassal produzzjonijiet li jispjegaw il-fatti kollha li joħorġu mill-Budget għas-sena d-dieħla, bis-sehem tal-esperti fl-istudios, Korpi Kostitwiti, opinjonisti, u kollegamenti diretti mill-Belt Valletta. U għalhekk, il-programmi tagħna se jkunu qed jagħtu l-istampa sħiħa u veritiera – lill hinn mill-battuti politiċi tal-Gvern.

Nhar it-Tnejn li ġej se titwassal edizzjoni speċjali tal-programm NETLIVE fejn wieħed mhux biss jista’ jsegwi l-preżentazzjoni tal-Budget mill-Ministru tal-Finanzi iżda wkoll spjegazzjoni real-time bil-grafika u bl-għajnuna ta’ team ta’ analisti li se jassistu fil-produzzjoni tal-programm. Din ix-xandira speċjali tibda fil-5:30pm, u titwassal ukoll fuq Net FM.

Eżatt wara l-Budget, Net News se jkun qed jispjega d-dettalji b’servizzi tal-aħbarijiet u analiżi tad-diversi miżuri u anke dak kollu li ma jintqalx mill-Ministru Caruana. Mal-ewwel, insegwu wkoll ir-reazzjonijiet tal-unions.

Ix-xandira ta’ nhar it-Tnejn fuq Net TV u Net FM se tinkludi wkoll l-ewwel kummenti mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, eżatt wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2022. Bil-programm NETLIVE ikompli permezz ta’ diskussjoni fl-istudios.

Bla dubju ta’ xejn, anke s-sit NETNEWS.COM.MT se joffri l-istess servizz lil dawk kollha li jkunu qed isegwu l-aġġornamenti fuq l-internet.

L-għada tal-Budget tkompli l-analiżi fil-programm NET AM, filwaqt li l-gazzetti In-Nazzjon u il-mument fil-ġimgħa tal-Budget ikunu qed iwasslu servizz b’ritratti u artikli li jispjegaw id-dettalji u l-miżuri kollha.

Ix-xandiriet speċjali jkomplu t-Tnejn 18 ta’ Ottubru fejn Net TV u Net FM ixandru d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bħala replika għall-Budget 2022. Anke dakinhar tixxandar edizzjoni sepċjali ta’ NETLIVE.