F’ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u d-Dipartiment tad-Dwana, nhar it-Tnejn li għadda, ġiet arrestata tfajla ta’ 25 sena mir-Repubblika Domenikana mal-wasla tagħha f’Malta, b’titjira diretta minn Madrid, Spanja. Dan wara li waqt tfittxija nstabu 90 kapsula ta’ droga suspettata kokaina fl-ammont ta’ madwar 900 gramma, b’valur fit-triq ta’ kważi €120,000.
Hi qed tinżamm fil-lockup tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana għall-aktar stħarriġ.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Lara Lanfranco, fejn ħatret diversi esperti biex jassistuha.
It-tfajla se titressaq il-Qorti dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra quddiem il-Maġistrat tal-Għadda Claire Stafrace Zammit.
Din hija t-tieni sejba ta’ droga kokaina fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi ftit jiem. Kemm il-Pulizija kif ukoll id-Dipartiment tad-Dwana qed jintensifikaw it-tfittxijiet tagħhom fuq dawn it-titjiriet li ġejjin minn Madrid, anke permezz ta’ klieb imħarġa għal dan l-iskop.
//= $special ?>

