Lokali

“Gvern li qed iħaddem ekonomija li tippremja lil ftit u tikkastiga lil ħafna” – PN

L-għoli tal-ħajja qed ikompli jħalli impatt mhux biss fuq il-ħaddiema u l-familji, iżda anke fuq in-negozji.

Saħqu dan f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Ġlieda kontra l-faqar Ivan Bartolo flimkien mal-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonista u Kandidat Ivan Castillo.

Huma tkellmu dwar is-survey li għamlet il-Kamra tal-Kummerċ li sab li l-akbar problema tan-negozji hija kif se jagħmlu qligħ. Dan filwaqt li l-ottimiżmu li kellhom dawn in-negozji niżel drastikament f’Ġunju li għadda.

Ivan Bartolo qal li din il-problema, b’mod allarmanti qed taffettwa l-iktar liż-żghir, bil-Gvern Laburista mhux jirrikonoxxi dawn it-tbatijiet reali f’pajjiżna.

Huwa semma kif bħalissa hemm madwar 300 persuna bla saqaf fuq rashom. Fejn dan kollu qed jaffettwa bil-kbir is-saħħa mentai ta’ dawk li mhux ilaħħqu mal-ħajja u qed jispiċċaw f’esklużjoni soċjali.

Ivan Bartolo żied jgħid li għandna Gvern li qed iħaddan kultura ta’ ekonomija li tippremja lil ftit u tikkastiga lil ħafn, ekonomija mibnija fuq pagi baxxi u tberbiq ta’ flus.  Min-naħa tiegħu Ivan Castillo qal li quddiem dan kollu qed naraw Gvern li m’għandux soluzzjonijiet. Gvern li bbaża l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq ħaddiema barranin.

Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalsita qed joffri proposti konkreti permezz ta’ up-skilling tal-ħaddiema, sistema ta’ COLA adekwata li tgħin lil dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna.

Partit Nazzjonalista li se jibqa’ joffri s-soluzzjonijiet fostom li jkun hemm capping fis-sistema ta’ kif tinħadem il-VAT u għajnuna ta’ 40 miljun ewro sabiex tittaffa l-ispiża tal-prezz tal-merkanzija.