L-Istati Uniti esprimiet ‘inkwiet sostanzjali’ dwar l-aħħar azzjonijiet u manuvri tal-ajruplani militari taċ-Ċina fiz-zona magħrufa bħala Taiwan Strait — u fejn l-ajruplani qegħdin ikunu ta’ theddida kontinwa għas-sigurtà tat-Tawjan.
Minkejja li t-Tajwan jinsisti li hu Stat sovran li lest biex jiddefendi ruħu fi kwalunkwe ċirkustanzi, iċ-Ċina ilha tgħid li t-Tajwan għandu jitqies bħala ‘provinċja ribelluża’ u fejn tirriserva d-dritt għall-forza biex iġġib lill-gżira-Stat lura taħt il-kontroll tagħha.
Sadanittant – u wara li ċ-Ċina, fl-aħħar jiem, bagħtet numru rekord ta’ jets militari fiz-zona tad-difiża tat-Tajwan — Jake Sullivan, il-konsulent Amerikan dwar is-sigurtà nazzjonali, qal li l-Istati Uniti tinsab imħassba dwar x’jista’ jinqala’ fil-ġejjieni, u, fuq kollox, ‘dwar ir-riżultati potenzjali tal-kriżi’.
Filwaqt li ċ-Ċina qed tinsisti bil-wirjiet ta’ saħħa militari, Sullivan – li fl-aħħar jiem kellu l-kuntatti ma’ diplomati Ċiniżi –sostna li ‘l-Istati Uniti se ssemma leħinha kulmeta tara azzjonijiet li kapaċi jtellfu l-istabbilità ta’ reġjun partikulari’.
Mistoqsi jekk l-Istati Uniti hix lesta tieħu azzjoni militari biex tiddefendi lit-Tajwan, Sullivan insista li ‘l-Istati Uniti se tieħu azzjoni issa biex tevita l-ħtieġa għal dan it-tip ta’ azzjoni fil-futur’.
Fl-istess ħin, Jake Sullivan għamilha ċara li ‘iċ-Ċina se tkompli tiddefendi bl-aħrax il-perspettiva u interessi tagħha fid-dinja u fuq livell ġeopolitiku’.
Sadanittant, il-messaġġ mill-Istati Uniti – li qed tkompli ssegwi b’attenzjoni l-kriżi bejn iċ-Ċina u t-Tajwan – hu li Washington se jibqa’ jaħdem id f’id mal-alleati u s-sieħba bil-għan jiddefendu l-interessi komuni u z-zamma tas-sigurtà fl-aktar reġjuni delikati tad-dinja.
//= $special ?>