Il-ġurnalista Filippina Maria Ressa u l-ġurnalist Russu Dmitry Muratov rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi għall-impenji rispettivi biex jiddefendu l-libertà tal-espressjoni fil-Filippini u r-Russja. Il-Kumitat tan-Nobel irrefera, intant, għal Ressa u Muratov bħala ‘rappreżentanti tal-ġurnalisti kollha li lesti jiddefendu l-ideali tagħhom u fuq kollox il-verità tal-fatti’.
Ir-rebbieħa tal-Premju għall-Paċi – fost l-aktar premjijiet prestiġjużi li jistgħu jingħataw lin-nies li jiddistingwu ruħhom fid-diversi oqsma – tħabbru mill-Istitut Norveġiż tan-Nobel f’Oslo. Ressa u Muratov intgħażlu minn fost 329 kandidat — meta l-Premju Nobel għall-Paċi hu ekwivalenti għal għaxar miljun krona Żvediżi, jew aktar minn 850,000 ewro.
Maria Ressa, li għenet twaqqaf is-sit tal-aħbarijiet Rappler, kienet partikularment infaħħra talli użat il-libertà tal-espressjoni ‘biex tiżvela każi ta’ abbuż ta’ poter u sitwazzjonijiet ta’ vjolenza’.
Fl-istess ħin, Ressa ma żammitx lura milli tirrapporta dwar it-tendenzi akbar lejn l-awtoritarjaniżmu fil-Filippini, taħt il-President Rodrigo Duterte,.
Sadanittant, malli rċeviet l-aħbar li hi r-rebbieħa tan-Nobel, Ressa esprimiet ‘ix-xokk tagħha li ntgħażlet għal premju daqstant prestiġjuż’. Hi sostniet li dan is-suċċess wera li xejn mhu possibbli mingħajr il-preżentazjoni tal-fatti u li ‘dinja mingħajr fatti għandha titqies bħala dinja nieqsa mill-verità u l-fiduċja’.
Kelliema għal Rappler, intant, qalu li jħossuhom onorati bl-unur li ngħata lil Ressa bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ dan is-sit tal-aħbarijiet. L-istqarrija tagħhom sostniet li ‘l-unur inkwistjoni ngħata fi żmien meta l-ġurnalisti u l-verità jinsabu taħt attakk kontinwu.’
Intant, il-Kumitat tan-Nobel qal li Dmitry Muratov, il-ko-fundatur tal-gazzetta indipendenti Novaya Gazeta, ilu għal għexieren ta’ snin jiddefendi l-libertà tal-espressjoni fir-Russja minkejja l-isforzi mill-Istat biex joħnoq il-verità.
Min-naħa tiegħu, Muratov qal li l-premju li rebaħ hu ‘rikonoxximent għall-ġurnaliżmu fir-Russja li qed ikun suġġett għar-ripressjoni’.
Fl-istess ħin, il-ġurnalista rċieva messaġġ ta’ kongratulazzjoni sinifikanti mingħand Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin ta’ Moska, li faħħar lil Muratov bħala ‘raġel kuraġġjuż u ta’ talent li jaħdem skont l-ideali tiegħu’.
L-intenzjoni wara l-Premju Nobel għall-Paċi hi li jkunu onorati l-individwi jew organizzazzjonijiet li ‘jagħmlu l-aktar biex ikattru l-fraternità bejn il-pajjiżi’. Il-Kumitat tan-Nobel sostna wkoll, permezz ta’ stqarrija, li ‘il-ġurnaliżmu ħieles u indipendenti jservi biex jipproteġi lis-soċjetà kontra l-abbuż ta’ poter, il-gideb u propaganda li twassal għall-gwerer’.
//= $special ?>