Lokali

Ir-Reġina Eliżabetta II tirrikonoxxi Malti tax-xogħol volontarju li jagħmel favur l-ambjent

Ir-Reġina Eliżabetta II irrikonoxxiet ix-xogħol volontarju li jagħmel l-attivist Mark Galea Pace favur l-ambjent billi sar ir-rebbieħ tal-Commonwealth Point of Light għal din is-sena.

Galea Pace għamel vjaġġ waħdu ta’ tlett’ijiem permezz ta’ dgħajsa fejn naddaf diversi bajjiet filwaqt li qajjem għarfien dwar l-iskart li qed iħammeġ il-baħar u l-kreaturi li nsibu fih. Hu għamel kampanja fejn ġabar donazzjonijiet għall-għaqda mhux governattiva ‘Nature Trust Malta’.

Matul dan il-vjaġġ, l-attivist ġabar 52 borża u 20 jerry can mimlijin skart. Wara dan il-vjaġġ, Galea Pace għamel clean-up oħra madwar Malta flimkien ma’ numru kbir ta’ voluntiera oħra li daru madwar il-gżira bil-kayak u ġabru l-iskart mill-baħar u l-bajjiet tal-madwar.

Dan ir-rikonoxximent ġie ppreżentat mill-Kummissarju Għoli Ingliża għal Malta, Katherine Ward fejn irringrazzjatu tax-xogħol li qed jagħmel biex pajjiżna jkun wieħed aħjar biex ngħixu fih.