Il-Kamra tal-aħbarijiet ta’ Television Malta ssoktat bħala “notice board tal-Gvern” u kompliet tħalli barra diversi aħbarijiet ta’ interess pubbliku.
Fl-aħbarijiet tat-8pm ilbieraħ, l-istazzjoni pubbliku kompla bis-sensiela ta’ servizzi mimlija intervisti u kummenti mal-Ministri jew uffiċjali tal-Gvern u qajla jirrapporta kemm lill-Oppożizzjoni u lanqas il-fehma tal-pubbliku inġenerali. Ilbieraħ biss, 56% tal-bulettin sħiħ tal-aħbarijiet fuq il-PBS kien kollu marbut ma’ konferenzi tal-aħbarijiet li organizzaw il-membri tal-Kabinett. 2% biss tal-ħin kien rappurtaġġ ta’ dak li qal il-Partit Nazzjonalista.

Fl-ewwel ħames items tal-bulettin, il-kamra tal-aħbarijiet irrappurtat lill-Prim Minsitru u żewġ Ministri. L-unika żewġ aħbarijiet li juru fehmiet opposti minn tal-Gvern kienu 35 sekonda għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-PN dwar is-sitwazzjoni ħażina fil-Qorti t’għawdex u l-protesta tas-sajjieda skalin li stqarru kontra l-marina f’Wied il-Għajn. Din l-aħbar, għall-PBS kienet timmerita 35 sekonda fl-aħħar tal-bulettin.
Nies li jsegwi mill-qrib il-politika editorjali tal-PBS qalu lil Net News li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS rat valur fuq li l-Gvern se jagħmel proġett ta’ iktar minn miljun ewro fl-Imsida, iżda sal-lum qatt ma rat valur fl-aħbar jew indagaw dwar it-350 direct order b’valur ta’ miljuni li tat-Transport Malta f’temp ta’ sitt xhur, ħafna minnhom lil nies jew kumpaniji viċin il-Gvern u l-Partit Laburista. Il-PBS ma ra l-ebda valur fl-aħbar li skont stħarriġ tal-Kamra tal-Kummerċ hemm 42% tan-negozji li qalu se jkollhom jgħollu l-prezzijiet minħabba żidiet fl-ispejjes.
Għal darb’oħra bulettin ieħor tal-aħbarijiet fuq il-PBS ikkonferma li l-istazzjon tan-nies inħataf kompletament minn Kastilja u l-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista qal li dan imur kontra l-imparzjalita’ li tiddetta il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
//= $special ?>
