Lokali Qorti

Kumpens ta’ €83,000 lil sid il-post tal-każin tal-Labour taż-Żurrieq li ċaħħadha mid-dritt li tgawdi l-propjetà tagħha

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha qalet li bl-aġir tiegħu l-Partit tal-Labour taż-Żurrieq ċaħħad lil sid il-propjetà tal-każin, mill tgawdiha wara li ma riedx jżid il-kera dovuta lilha u li minkejja li suppost kellu jagħmel il-manutenzjoni fih żammu żdingat.

Sid il-post ingħatat kumpens ta’ €83,000 li jridu jitħallsu mill-Avukat tal-Istat, li kontrih kienet ukoll il-kawża. Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti fid-deiżjoni tiegħu qal li l-każin  ma jistax jibqa’ jżomm propjetà għall-perjodu kontinwat u jistrieħ fuq xi dispożizzjonijiet tal-liġi.

Sid il-post Catherine Curmi bdiet proċeduri legali kontra l- Avukat tal-Istat u l-Partit Laburista, u xehdet li kienet wirtet il-proprjeta in kwistjoni. Fl-1973 kienet iddeċidiet illi tibda tikri din il-proprjeta lil Malta Labour Party, u kienet saret skrittura ta’ kera f’Diċembru tal-1973 ghal dan il-ghan.

Din il-kirja kellha tkun ghal perjodu ta’ 10 snin b’kera ta’ Lm71.50 (166 euro) kull tliet xhur, imħallsa bil-quddiem. Din il-kera kienet għoliet ghal Lm125 (291 euro) kull tliet xhur fl-1994, u baqgħet hekk sal-ġurnata tal-llum, ghaliex il-Kumitat qatt ma aċċetta li tgħola l-kera minkejja li l-valur tal-proprjetà żdied maż-żmien.

Qalet ukoll illi minkejja lil l-każin kien intrabat li jkun responsabbli għall-ħsarat kollha li jkun hemm fil-fond, bil-kemm saru tiswijiet f’din il-proprjeta.

Il-mara pjegat illi hija kienet wirtet din il-proprjeta mingħand iz-zija tagħha, u żiedet li ma tafx kif din iz-zija kienet akkwistata peress illi dak iż-żmien hija kienet għadha żgħira. Xehdet li meta kienet skadiet il-kera hija ma kinitx pruvat tiżgombra lill-każin, iżda kien hemm żmien fejn kienet talbet li tiżdied il-kera għalkemm din it-talba kienet ġiet irrifjutat u anzi ir-reazzjoni kienet illi jekk tirrifjuta l-kera l-każin kien sempliżiment se jiddepożitaha l-Qorti.

Il-Perit Matthew Sciberras xehed illi huwa kien spezzjona l-fond in kwistjoni u kien ikkonstata numru ta’ ħsarat u difetti fil-post. Spejga li fih kien jidher li ma kinitx saret manutenzjoni fih fl-aħħar snin u li kien ġie traskurat mhux ħaħin.

L-istess perit preżenta rapport li jispjega l-ħsarat u d-difetti fil-proprjeta bir-ritratti b’kollox. F’dan ir-rapport il-perit ukoll ta stima tal-valur tal-proprjeta fuq is-suq liberu, li ghalih huwa ta’ €440,000, filwaqt illi fl-1973 il-valur tal-proprjeta fuq is-suq liberu kien ta’ cirka €2,213.50. Huwa preżenta ukoll rapport iehor fejn indika x-xogħolijiet ta’ manutenzjoni li jeħtiegu li jsiru fuq il-post in kwistjoni, li jistima li jammontaw għal madwar €8,770.

Il-Qorti illikwidat l-kumpens dovut lil mara fis-somma ta’ €83,000, rapprezentanti in kwantu għal €75,000 għad-danni li sofriet u €8,000 f’danni morali. L-ispejjez tal-kawża għandhom jithallsu kollha mill-Avukat tal-Istat, qalet il-Qorti.