Lokali

ll-Papa ġej Malta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla

Tasal il-konferma… il-Papa Franġisku mistenni jiġi Malta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Il-Gvern ħabbar dan f’post fuq il-media soċjali.

Fil-ġimgħat li għaddew rapporti fil-media kienu qed jgħidu li l-Papa kien mistenni jiġi pajjiżna lejn tmiem din is-sena. Iżda issa għal darb’oħra, din iż-żjara kellha tiġi posposta. Il-Papa Franġisku kellu jżur pajjiżna s-sena li għaddiet iżda din iż-żjara ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-COVID.

Jidher li din iż-żjara ġiet posposta għat-tieni darba hekk kif hemm tħassib li l-pandemija tal-Covid-19 terġa’ tgħolli rasha, kif ukoll minħabba l-ispekulazzjoni ta’ elezzjoni ġenerali bikrija.

Fl-aħħar ġimgħat kien irrappurtat li qed issir pressjoni qawwija fuq il-Prim Ministru Robert Abela biex isejjaħ elezzjoni ġenerali f’Novembru li ġej. Madankollu, ir-rapporti kienu qalu li Abela qed iwebbes rasu u jibqa’ jinsisti li l-elezzjoni ġenerali ssir is-sena d-dieħla.