Internazzjonali

Possibbiltà li r-relazzjonijiet ta’ Franza mal-Awstralja ma jibqgħux bħalma kienu

Ir-relazzjonijiet ta’ Franza mal-Awstralja għadhom għaddejjin minn diffikultajiet kbar wara li l-Gvern tal-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison irtira minn ftehim għax-xiri ta’ sottomarini  li kellu jiswa l-għexieren tal-biljuni tal-ewro għal Franza,

Intant, il-Gvern Franċiż għadu jemmen li sofra ‘daqqa ta’ stallett fid-dahar’ u fl-aħħar sigħat kien qed jaħseb biex jibgħat l-ambaxxatur tiegħu lura fl-Awstralja fost stennija li r-relazzjonijiet ma’ Canberra ikunu ‘evalwati mill-ġdid’.

L-Awstralja, ix-xahar li għadda, issieħbet f’patt tas-sigurtà magħruf bħala Aukus flimkien mal-Istati Uniti u r-Renju Unit – bit-tliet pajjiżi qed jaħsbu biex iżommu u jikkonsolidaw l-influwenza tal-Punent fir-reġun tal-Asja u l-Paċifiku.

Min-naħa tagħhom il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Ministri tiegħu għadhom urtati bil-kbir dwar it-telf tal-ftehim mal-Awstralja li kien ekwivalenti għal 70 biljun ewro. Dan ladarba l-Gvern ta’ Morrison iddeċieda biex, minflok, jinvesti f’sottomarini Amerikani li huma ġenerati mit-teknoloġija nukleari.

Dritt wara l-konferma tal-Awstraljani, Franza rtirat lill-ambaxxaturi minn Canberra u Washington bħala protesta. U għalkemm il-Gvern ta’ Macron, issa, qed jipprova jirranġa s-sitwazzjoni mal-Istati Uniti, Pariġi kompliet tinsisti bit-trattament ‘biered’ fil-konfront tal-Awstralja.

L-osservaturi  jemmnu li diffiċli biex ir-relazzjonijiet ta’ Pariġi mal-Awstralja jirritornaw għal li kienu, bl-aħħar ġesti diplomatiċi qegħdin juru li Pariġi mhix se tinsa malajr il-każ tas-sottomarini, li qed tqisu bħala umiljazzjoni kbira.

Fil-fatt, il-Prim Ministru Morrison żvela li Emmanuel Macron ma jridx jirreċiproka għat-tentattivi tiegħu biex isiru l-kuntatti bilaterali. Intant, il-Ministru Awstraljan għall-Kummerċ, Dan Tehan,  spiċċa ‘imwarrab u injorat’ mill-Ministru Franċiż Franck Riester li għandu l-istess dekasteru.

Fl-istess ħin, uffiċjali f’Pariġi huma konvinti li huma spiċċaw imqarrqin ‘sal-aħħar’ mill-Awstralja. L-uffiċjali jemmnu li l-Gvern Awstraljan ‘kien baqa’ jitkellem dwar is-sottomarini tal-Franċiżi anki meta kien qed jaħseb biex jissieħeb fi ftehim differenti li kellu jeskludi lil Franza’.

Proprju l-ġimgħa l-oħra, spiċċaw posposti wkoll in-negozjati dwar ftehim kummerċjali bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, b’kollox jindika li dan ukoll kien riżultat tat-tilwima taħraq bejn Pariġi u Canberra.