L-attitudni tal-membri tal-Gvern fil-PAC ikkonfermat kemm id-deputati Nazzjonalisti kellhom raġun jikkritikaw l-atteġġjament ta’ Konrad Mizzi, illi naqas milli jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex iwieġeb dwar l-Electrogas.
Dan sostnih l-editorjal ta’ The Malta Independent u anki dak tat-Times of Malta fejn saqsew għaliex il-Gvern Laburista naqas milli jikkundanna l-atteġġjament ta’ Konrad Mizzi. Iż-żewġ ġurnali jistaqsu wkoll għaliex il-Partit Laburista għadu jiddefendi lil Mizzi, meta l-eks Deputy Leader tal-Labour ġab dell ikrah mhux biss fuq pajjiżna, iżda anki fuq il-Partit tagħhom stess.
L-editorjali qalu li Mizzi żbalja meta ma deherx quddiem il-PAC għaliex meta wieħed jissejjaħ quddiem dan il-Kumitat, dan għandu jmur u jekk irid ma jwieġeb xejn.
It-Times min-naħa tagħha qalet li n-nuqqas ta’ Konrad Mizzi li jidher quddiem dan il-Kumitat qed iħalli lill-poplu Malti fid-dlam, għax il-flus li ntefqu fil-kuntratt tal-Electrogas fl-aħħar mill-aħħar huma flus il-poplu Malti u Għawdxi.
L-editorjal tal-Independent fakkar li l-laqgħa tal-PAC kienet waħda mimlija għajjat u kaos minħabba li membri tan-naħa tal-Gvern kellhom l-intenzjoni li jagħmlu dan, u sabuha diffiċli ferm li jaqblu mal-mozzjoni tal-PN.
L-editur tal-Independent qal li Konrad Mizzi kellu raġun f’waħda – cioe’, li l-kumitat l-Erbgħa li għadda kellu kummenti partiġġjani li fil-fatt waslu minn sħabu tal-Gvern. Kompla li Mizzi b’attitudni bħal din wera kemm hu arroganti, u saqsa għaliex il-Gvern naqas milli jgħid li dan kien atteġġjament ta’ diżrispett.
L-istess editur jistaqsi jekk il-Labour għandux pjanijiet ġodda għall-eks Ministru, b’sorsi jikkonfermaw li d-deputat Konrad Mizzi għadu sal-lum għaddej bil-canvasing tiegħu.
//= $special ?>