Ekonomija Lokali

‘Super żidiet’ fil-prezzijiet tal-prodotti

L-għoli tal-ħajja qed ikompli jħalli impatt mhux biss fuq il-ħaddiema u l-familji… iżda anke fuq in-negozji. Stħarriġ li għamlet il-Kamra tal-Kummerċ ikompli jikkonferma l-istejjer ta’ Net News dwar l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet – sitwazzjoni li qed taffettwa lil diversi anzjani u familji.  

Il-piżijiet li qed ikomplu jiżdiedu qed iwasslu biex 42 fil-mija tan-negozji se jkunu kostretti jżidu l-prezzijiet matul 12-il xahar li ġejjin.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar Ivan Bartolo flimkien mal-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonista u Kandidat Ivan Castillo tkellmu dwar   kif dan is-survey sab li l-akbar problema tan-negozji hija kif se jagħmlu qligħ. Dan filwaqt li l-ottimiżmu li kellhom dawn in-negozji niżel drastikament f’Ġunju li għadda.

Ivan Bartolo qal li din il-problema, b’mod allarmanti qed taffettwa l-iktar liż-żghir.. bil-Gvern Laburista mhux jirrikonoxxi dawn it-tbatijiet reali f’pajjiżna.

Huwa semma kif bħalissa hemm madwar 300 persuna bla saqaf fuq rashom. Fejn dan kollu qed jaffettwa bil-kbir is-saħħa mentai ta’ dawk li mhux ilaħħqu mal-ħajja u qed jispiċċaw f’esklużjoni soċjali. Ivan Bartolo żied jgħid li għandna Gvern li qed iħaddan kultura ta’ ekonomija li tippremja lil ftit u tikkastiga lil ħafna… ekonomija mibnija fuq pagi baxxi u tberbiq ta’ flus.  

Min-naħa tiegħu Ivan Castillo qal li quddiem dan kollu qed naraw Gvern li m’għandux soluzzjonijiet. Gvern li bbaża l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq ħaddiema barranin.

Problema oħra li qed jaffaċċjaw in-negozji hija n-nuqqas ta’ ħiliet tal-ħaddiema, li qed toħloq sfidi fis-servizz li jingħata. B’numru ta’ negozji qed ikunu kostretti jżidu l-pagi sabiex ikunu iktar kompetittivi Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalsita qed joffri proposti konkreti permezz ta’ up-skilling tal-ħaddiema, sistemta ta’ COLA adekwata li tgħin lil dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna.

Partit Nazzjonalista li se jibqa’ joffri s-soluzzjonijiet fostom li jkun hemm capping fis-sistema ta’ kif tinħadem il-VAT u għajnuna ta’ 40 miljun ewro sabiex tittaffa l-ispiża tal-prezz tal-merkanzija.

Is-survey ikompli juri li meta qabel 64 fil-mija tan-negozji kienu ottimisti li l-eonomija se tmur ‘il quddiem… dawn issa niżlu għal 25 fil-mija – fi kliem sempliċi, tliet kwarti tan-negozji jemmnu li matul is-sena li ġejja se jieħdu daqqa. U l-piż, apparti li jġorruh huma…ikollhom iġorruh anke l-konsumaturi biż-żidiet fi prodotti bażiċi.

Ħareġ car ukoll li l-proporzjon tan-negozji Maltin li matul din is-sena stennew li jkollhom żieda fil-profitt niżel minn 51 fil-mija fit-tielet kwart tas-sena għal 26 fil-mija fl-aħħar kwart.

Diversi supermarkets rrapurtaw żieda sostanzjali fil-prezzijiet, bl-iktar fattur prinċipali li affettwa din iż-żieda kien il-prezz tal-merkanzija.