Lokali Qorti

Titwaqqaf il-Kamra ‘Avukati Għawdex’

Waqt laqgħa ġenerali li nżammet fost l-Avukati li jipprattikaw f’Għawdex, ġiet imwaqqfa b’mod uffiċjali Kamra tal-Avukati (Għawdex) bil-għan li tirrappreżenta l-interessi tal-avukati bbażati f’Għawdex.  Dan huwa pass importanti ferm għall-avukati prattikanti bbażati f’Għawdex bil-għan illi jitħarsu u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-istess avukati.

Dan l-iżvilupp qiegħed iseħħ fl-isfond tas-sitwazzjoni li fil-preżent jinsab il-Qorti f’Għawdex fejn minkejja li l-avukati jinsabu għaddejjin b’azzjoni kollettiva u mhux qed jattendu għas-seduti ffissati, jidher li s-sitwazzjoni fl-amministrazzjoni tal-Qorti baqgħet l-istess. Minkejja tali azzjonijiet sa dan il-mument il-Ministru għal Ġustizzja għadu ma ħa l-ebda azzjoni kif lanqas ma kien hemm l-ebda sforz da parti tal-istess Ministeru sabiex ikun hemm xi tip ta’ komunikazzjoni. Hija offiża lejn il-professjoni tal-avukat li l-uniku azzjoni f’dan ir-rigward kienet biss laqgħa mal-istaff tal-Aġenzija tal-Qrati, liema laqgħa però ma ħalliet l-ebda frott. 

Huwa għalhekk li filwaqt li qed issir komunikazzjoni uffiċjali dwar it-twaqqif tal-Kamra tal-Avukati f’Għawdex bl-isem Avukati Għawdex, l-azzjoni kollettiva se tibqa’ preżenti u għalhekk l-avukati mhux se jkunu qegħdin jattendu għas-seduti ffissati anke matul il-ġimgħa d-dieħla u dan sakemm ma jkunx hemm komunikazzjoni ulterjuri.