Lokali

Ian Borg irid jgħaddi bħal romblu minn fuq il-Misidjani

… minkejja l-oppożizzjoni tal-Kunsill Laburista

Il-Ministru Ian Borg jidher li se jibqa’ għaddej bħal romblu anke bil-proġett tal-Flyover fl-Imsida minkejja l-protesti ta’ ħafna, fosthom tal-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista.

Hu kkonferma dan meta mistoqsi mill-ġurnalisti fl-Imsida stess, u fil-preżenza ta’ Kunsillieri Laburisti, fejn saħansitra hedded li jekk il-proġett ma jsirx, wieħed irid iħallas tal-konsegwenzi. Dan wara li s-Sindku Laburista tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai iddikjarat li, bil-monstrożità li qed jipproponi l-Ministru Ian Borg, l-Imsida se titkerraħ.

Minn meta kien żvelat dan il-proġett, ftit jiem biss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019, l-entitajiet kollha fl-Imsida jew rappreżentanti tagħhom tkellmu fil-beraħ dwar kif il-Flyover kienet se taqsam il-lokalità fi tnejn. Dan filwaqt li l-pontijiet ippjanati biex in-nies jaqsmu min-naħa għall-oħra tat-triq kienu deskritti bħala mostrużi għax jgħattu l-veduta tal-baħar u tal-Knisja.

Iżda għal Ian Borg, dan qisu ma jgħodd xejn, tant li qed jibqa’ jinsisti li anke l-Kunsill Lokali jaqbel mal-idea tiegħu meta fil-verità, is-Sindku Laburista qed tgħid mod ieħor.

NET News jinsab informat li fil-verità, il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista ilu diversi xhur jevita milli jitkellem dwar dan il-proġett fil-laqgħat tiegħu.

Dan wara laqgħa mqanqla li matulha anke kienet ipparteċipat virtwalment il-Perit Audrey Testaferrata de Noto, meta l-Kunsillieri esprimew qbil unanimu li l-proġett m’għandux isir kif qed jissuġġerixxi l-Gvern.

Fost l-oħrajn, il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxu li, minflok Flyover, isiru toroq taħt il-livell tal-baħar – bl-istess teknoloġija li biha tista’ ssir il-mina bejn Malta u Għawdex – biex it-traffiku jkun aktar mexxej, iżda estetikament isbaħ.

Barra minhekk, qed jissuġġerixxu wkoll li s-sistema ta’ mmaniġġjar aħjar tat-traffiku jkun jinkludi zoni oħrajn, bħall-Wied ta’ Birkirkara u anke z-zona tal-Iskate Park. Proposti li l-Ministru Ian Borg jidher li qed jibqa’ stinat li jinjora, imbasta tgħaddi tiegħu u l-proġett isir kif irid hu.