Lokali

Iċċelebrat il-Jum Dinji għall-Posta

F’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, id-9 ta’ Ottubru jimmarka l-Jum Dinji tal-Posta wara d-dikjarazzjoni uffiċjali li n-Nazzjonijiet Uniti kienet għamlet fl-1969 fil-kapitali Ġappuniża Tokjo.

Is-servizz postali għandu rwol importanti ħafna fil-komunità, fejn ta’ kuljum, il-pustiera jżuru kull dar f’Malta u f’Għawdex biex iwasslulna l-ittri u l-pakketti … sew jekk fix-xemx, fix-xita, fis-sħana u fil-bard. U kemm jekk bil-mixi, bil-mutur jew bil-vetturi elettriċi, dejjem jaraw kif iwettqu s-servizz b’mod responsabbli u fil-ħin.

L-aħħar xhur kienu ta’ sfida akbar għall-pustiera minħabba li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet impatt u biddlet drastikament ix-xiri tradizzjonali għal dak diġitali, b’konsegwenza li r-rwol tas-servizz postali kellu jevolvi biex jakkomoda dawn ix-xejriet ġodda.

Is-servizz tal-Posta f’pajjiżna jitmexxa mill-kumpanija Maltapost, li f’dawn iċ-ċirkostanzi differenti rat li ttejjeb l-effiċjenża fit-tqassim u tagħmel ix-xogħol aktar faċli għall-pustieri, għalkemm rat li tagħmel dan b’mod aktar favur l-ambjent, partikolarment vl-użu ta’ vetturi elettriċi.

Bla dubju li s-servizz postali jibqa’ mezz essenzjali għall-komunikazzjoni u għall-kummerċ f’pajjiżna. Hu għalhekk li qed isir kull sforz possibbli biex il-proċessi jkunu aktar faċli u konvenjenti.