“In-nanniet ma jistgħux jibqgħu jiġu mċaħħda milli jaraw lin-neputijiet tagħhom”
In-nanniet għandhom ikunu rispettati u jiġu mogħtija d-dinjità li verament tixraqilhom.
Hekk sostna l-Fundatur tal-Organizzazzjoni Nanniet Malta, Philip Chircop, waqt attività ta’ mixja u rikba fuq il-muturi li nżammet is-Sibt filgħodu fil-Belt, fejn minn quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, grupp ta’ nanniet Maltin u Għawdxin reħewlha sa quddiem il-bini tal-Parlament.
Dan kollu hekk kif kull tieni Ħadd ta’ Ottubru, pajjiżna jiċċelebra b’mod uffiċjali l-Jum iddedikat lin-Nanniet – wieħed minn sitt pajjiżi fl-Ewropa li jiċċelebraw dan il-jum b’mod attiv.

Philip Chircop irringrazzja lill-Membri Parlamentari kollha u saħaq li għall-ġid tal-anzjani Maltin u Għawdxin m’għandux ikun hemm partiġġjaniżmu u kuluri politiċi. Dan filwaqt li appella biex in-nanniet jiġu mħarsa b’Liġi iswed fuq l-abjad ħalli ma jkunux imċaħħdin minn neputijiethom.
Hu tkellem ma’ NET News, fejn saħaq li din hi weġgħa ta’ bosta nanniet fil-Gżejjer Maltin.

Chircop insista li n-nanniet b’mod indirett jgħinu lill-ekonomija tal-pajjiż tissaħħaħ meta, fost oħrajn, iżommu lin-neputijiet tagħhom biex uliedhom joħorġu jaħdmu. Hu appella lill-Gvern għal xi forma ta’ kumpens għal dawk l-anzjani, partikolarment nisa, li fl-imgħoddi ma ħarġux jaħdmu biex jieħdu ħsieb il-familja u issa spiċċaw mingħajr bolol biżżejjed imħallsin.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Anzjani Maria Deguara, li fakkret kif terz tal-popolazzjoni Maltija hi anzjana u hemm bżonn li dawn jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, li kulma jmur qed iħossu l-pressjoni tagħha fuq buthom.
Hi nsistiet ukoll li l-proposti u l-kliem sabiħ m’humiex biżżejjed, iżda hemm bżonn ta’ azzjoni tanġibbli.



