It-Tnejn li ġej, NET Television u NET FM se jkunu qed iwasslu xandiriet estensivi u bi spjegazzjoni dettaljata dwar il-Budget 2022 li se jiġi ppreżentat fil-Parlament.
It-tmexxija tal-istazzjonijiet NET ħasbet biex twassal produzzjonijiet li jispjegaw il-fatti kollha li joħorġu mill-Budget għas-sena d-dieħla, bis-sehem tal-esperti fl-istudios, Korpi Kostitwiti, opinjonisti, u kollegamenti diretti mill-Belt Valletta. U għalhekk, il-programmi tagħna se jkunu qed jagħtu l-istampa sħiħa u veritiera – lil hinn mill-battuti politiċi tal-Gvern.
It-Tnejn li ġej se titwassal edizzjoni speċjali tal-programm NET Live, fejn wieħed mhux biss jista’ jsegwi l-preżentazzjoni tal-Budget mill-Ministru tal-Finanzi, iżda wkoll spjegazzjoni real-time bil-grafika u bl-għajnuna ta’ team ta’ analisti li se jassistu fil-produzzjoni tal-programm. Din ix-xandira speċjali tibda fil-5:30pm u titwassal ukoll fuq Net FM.
Eżatt wara l-Budget, NET News se jkun qed jispjega d-dettalji b’servizzi tal-aħbarijiet u analiżi tad-diversi miżuri u anke dak kollu li ma jintqalx mill-Ministru Caruana. Mal-ewwel, insegwu wkoll ir-reazzjonijiet tal-unions.
Ix-xandira tat-Tnejn fuq NET Television u NET FM se tinkludi wkoll l-ewwel kummenti mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, eżatt wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2022, bil-programm NET Live ikompli b’diskussjoni fl-istudios.
Bla dubju, anke s-sit NETnews.com.mt se joffri l-istess servizz lil dawk kollha li jkunu qed isegwu l-aġġornamenti fuq l-internet.
L-għada tal-Budget tkompli l-analiżi fil-programm NET am, filwaqt li l-gazzetti In-Nazzjon u il-Mument fil-ġimgħa tal-Budget ikunu qed iwasslu servizz b’ritratti u artikli li jispjegaw id-dettalji u l-miżuri kollha.
Ix-xandiriet speċjali jkomplu t-Tnejn 18 ta’ Ottubru fejn NET Television u NET FM ixandru d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bħala Replika għall-Budget 2022. Anke dakinhar tixxandar edizzjoni speċjali ta’ NET Live.
//= $special ?>