Futbol Sport

Telfiet għat-timijiet nazzjonali tal-futbol ta’ taħt is-17 u d-19-il sena

(Ritratt: Stephen Gatt)

Fit-tieni partita mit-tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena, it-tim Malti tilef bl-iskor ta’ 5-1 kontra d-Danimarka. Malthe Bondergaard fetaħ l-iskor għad-Danimarka wara 10 minuti filwaqt li awto-gowl ta’ Karl Vella fit-23 minuta. It-tim Malti daħal fil-partita fit-30 minuta, b’gowl ta’ Zak Barabara.

Fit-tieni taqsima, d-Danimarka baqgħu jiddominaw il-partita u fid-49 minuta komplew ikabbaru l-iskor permezz ta’ aeto-gowl ta’ Sven Xerri. Fl-84 minuta, d-Danimarka ngħataw penalty u kien Batuhan Sertdemir li għamilhom 4-1. Id-Danimarka għalqu l-partita fl-aħħar ħinjiet meta kien Julius Beck li kkonkluda mill-viċin.

Il-Pollakki b’saħħithom wisq għall-Maltin

It-tim Malti ta’ taħt id-19-il sena wkoll sofra telfa kbira f’partita mit-tournament ta’ kwalfikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej. Din kienet it-tieni partita għat-tim ta’ taħt id-19-il sena f’dan it-tournament.

Il-Pollakki ddominaw din il-partita u kien fl-20 minuta li fetħu l-iskor permezz ta’ Adrian Bukowski. Fis-37 minuta, il-Polonja għalqu l-partita meta skorjaw it-tieni gowl permezz ta’ Daniel Hoyo-Kowalski. Il-Polonja komplew jiddominaw u kien fil-81 minuta li Aleksander Buska għamilhom 3-0, biex lejn it-tmiem kien Piotr Starzynski li għalaq il-partita għall-skor finali ta’ 4-0.