Lokali Qorti

Żagħżugħ imqiegħed taħt probation wara li ammetta akkużi fuq serq

Żagħżugħ ta’ 18-il sena tpoġġa taħt probation wara li ammetta akkużi relatati ma’ serq, xi wħud imorru lura ħames xhur sa minn meta kien għadu minuri. Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena minn San Ġiljan tressaq il-Qorti u ammetta għal żewġ akkużi ta’ serq aggravat, żewġ attentati ta’ serq u frodi.

Is-serqiet kienu jinkludu rota minn Triq Sir Patrick Stuart, il-Gżira f’Mejju, kif ukoll Apple iPhone, par nuċċali tax-xemx Polaroid, flus kontanti, karti ta’ kreditu u oġġetti personali oħra propjetaá ta’ żewġ nisa, misruqa f’Settembru fi Triq il-Lanca, Valletta.

Fl-istess jum, l-akkużat ipprova juża waħda mill-karti ta’ kreditu misruqa f’kafetterija tal-Belt Valletta. Siegħat wara, fis-sigħat bikrin tal-għada filgħodu, huwa għal darb’oħra pprova jagħmel użu mill-karta tal-kreditu f’ħanut tal-ħelu f’Tas-Sliema.

L-Ispetturi prosekuturi Daryl Borg u Neil Godwin Caruana spjegaw li l-kawża tal-għemil ħażin taż-żagħżugħ dehret li kienet id-dipendenza fuq id-droga tiegħu, u rrimarkaw li huwa kien ikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet investigattivi.

Fid-dawl ta’ ċirkostanzi bħal dawn u wara li ħadet nota tal-ammissjoni bikrija tiegħu l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, poġġiet liż-żagħżugħ taħt ordni ta’ probation ta’ sentejn. L-Avukat Charmaine Cherrett kienet avukat tal-għajnuna legali.