Lokali

16-il entità jappellaw lill-politiċi biex iqisu tassew il-ġid komuni

Aktar tħassib dwar l-abbozz ta' liġi għall-użu tal-Kannabis

16-il entità impenjati fil-ħidma soċjali qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-proposti għall-abbozz ta’ liġi dwar l-użu hekk imsejjaħ responsabbli tal-kannabis. L-entitajiet jinsabu fi qbil mal-pożizzjoni ta’ Caritas Malta u Fondazzjoni OASI li nhar il-Ħamis, 7 ta’ Ottubru, reġgħu tennew li l-liġi proposta se tkun aktar ta’ ħsara milli ta’ ġid għas-soċjetà Maltija.

Dawn l-entitajiet, li wħud minnhom jaħdmu direttament mat-tfal u ż-żgħażagħ vulnerabbli, jinsabu mħassba speċjalment dwar il-messaġġ li jkun qed jgħaddi lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar l-użu u l-kultura tal-kannabis. Għalhekk qed jitolbu lill-politiċi sabiex iqisu tassew il-ġid komuni meta jkunu qed jikkontemplaw liġijiet li jersqu iktar lejn il-liberalizzazzjoni tal-kannabis.