Internazzjonali

Gwatemala: Immigranti salvati minn kontejner li tħalla abbandunat fi triq

Il-pulizija fil-Gwatemala salvaw madwar 130 immigrant minn kontejner li spiċċa abbandunat maġenb ta’ triq. Il-kontejner kien tat-tip li l-vapuri jġorru minn post għall-ieħor u l-immigranti nstabu f’inħawi bejn l-ibliet ta’ Nueva Concepción u Cocales wara li n-nies kienu semgħu t-twerżiq minn ġewwa.

L-awtoritajiet jemmnu li dawn in-nies tħallew abbandunati minn traffikanti li kienu tħallsu biex iwasslu lill-istess immigranti lejn l-Istati Uniti mill-Messiku. ‘Il fuq minn 100 immigrant kienu ġejjin minn Haiti waqt li kien hemm ukoll immigranti min-Nepal u l-Ghana.

L-immigranti kollha ntgħataw l-ewwel għajnuna mill-uffiċjali li marru fuq il-post u fl-aħħar sigħat huma ttieħdu f’wieħed mix-xelters tal-Istitut għall-Immigrazzjoni tal-Gwatemala.