Internazzjonali

Iraq: Il-poplu jivvota f’elezzjoni bikrija

Il-poplu tal-Iraq ivvota fl-ewwel elezzjonijiet għall-Parlament mindu, fl-2019, żbruffaw il-protesti kbar tal-massa dwar il-korruzzjoni, il-qgħad u s-servizzi inadekwati għar-residenti. Din l-elezzjoni suppost li kellha ssir is-sena d-dieħla iżda tressqet ‘il quddiem b’sitt xhur b’riżultat ta’ dak l-inkwiet u taqlib li fih tilfu ħajjithom il-mijiet tan-nies.

Intant, inbidlet is-sistema elettorali l-antika tal-Iraq li bbażat fuq il-listi tal-kandidati preżentati mill-partiti u meta issa qed tintuża sistema intiża biex tgħin lill-kandidati indipendenti. Madankollu, l-entitajiet ewlenin tax-Xija Musulmani xorta mistennija jirbħu l-aktar siġġijiet fil-Parlament meta ilhom jiddominaw l-assemblea mill-invażjoni tal-Iraq, fl-2003, mill-qawwiet tal-koalizzjoni militari taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti.

L-invażjoni eliminat id-dittatorjat tal-eks mexxej Iraqi Saddam Hussein, bl-Iraq jaddotta sistema għall-qsim ta’ poter ibbażata fuq l-identità etnika u tal-gruppi komunitarji. Sadanittant, din is-sistema permettiet biex il-membri ta’ ‘elit ristrett’ iżommu l-poter fost il-firxa tal-korruzzjoni u patrunaġġ politiku.