Futbol Sport

“Irridu niffukaw fuq dak li għamilna tajjeb fil-partiti ta’ qabel” – Devis Mangia

(Ritratt: MFA)

Lejliet il-partita ta’ Malta kontra Ċipru f’Larnaca, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia qal li t-tim se jiffoka fuq dak li għamlu tajjeb fil-partiti ta’ qabel, mhux fuq partita waħda diżappuntanti ta’ kontra s-Slovenja. Mangia qal li l-plejers kienu diżappunati bir-riżultati filwaqt li jinsabu ħerqana li jagħtu prestazzjoni pożittiva fil-partita kontra Ċipru.

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti stqarr li l-partita ta’ għada se tkun aktar diffiċli mir-rebħa ta’ 3-0 li kisbet Malta kontra l-istess avversarju xahar ilu, hekk kif kemm it-tim Malti kif ukoll it-tim Ċiprijott għadhom ġejjin minn serje ta’ riżultati negattivi.

Id-difensur laterali Ryan Camenzuli żied jgħid li l-plejers jinsabu pożittivi u kkonċentrati fuq il-partita t’għada, hekk kif iridu jagħtu l-massimu tagħhom biex jirrispondu għat-telfa kontra s-Slovenja. Camenzuli qal ukoll li l-fatt li Mangia qed jagħti spazju lil plejers żgħażagħ anke mal-ewwel ħdax, qed iħalli l-frott tiegħu, fin-nuqqas ta’ diversi plejers mit-tim nazzjonali.

Fil-kummenti tiegħu Mangia irrimarka li l-fatt li l-plejers Maltin qed jiltaqgħu bħala grupp ġimgħa qabel, jagħti lok li jsir aktar taħriġ mal-plejers, filwaqt li enfasizza li din il-prattika għandha tibqa’ fis-seħħ, kemm-il darba in-numru ta’ plejers Maltin li jilagħbu barra, jibqa’ dak li hu.