Lokali

“Irridu politika li ssaħħaħ l-impjiegi ta’ kwalità u li tattira l-investiment”

“Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit ippreżentat fil-jiem li għaddew mill-Partit Nazzjonalista jixpruna lill-Gvern biex jimbarka fuq politika serja li tassew tinċentiva l-impjiegi ta’ kwalità u li jrendu fl-ekonomija tal-pajjiż. Dan id-Dokument jixpruna wkoll lill-Gvern biex jadotta politika ċara li tattira l-investiment lejn pajjiżna.

“Biex dan kollu jsir, il-Gvern l-ewwel u qabel kollox irid jerġa’ jnissel il-fiduċja f’pajjiżna fost il-Maltin stess, iżda anki fost il-barranin. Pajjiżna jista’ biss jirkupra kemm-il darba jirbaħ il-problemi tan-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba li l-Gvern nissel f’pajjiżna.

“Kollox jindika li min ħoloq il-problemi fuq pajjiżna; fuq it-tkattir tal-impjiegi u fuq l-attirar tal-investiment lejn pajjiżna, ma jistax ikun hu li jsolvi dawn il-problemi u għalhekk is-soluzzjonijiet irid isibhom ħaddieħor… ċioè l-Partit Nazzjonalista li bit-tmexxija ta’ Bernard Grech jista’ jasal biex joħroġ lil pajjiżna minn dan l-isqaq li ddaħħal fih mill-Gvern immexxi mill-Partit Laburista.”

Din id-dikjarazzjoni għamlitha Kristy Debono, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Servizzi Finanzjarji, f’intervista dwar id-Dokument tal-PN ta’ Qabel il-Budget u wkoll dwar dak mistenni fil-budget tal-Gvern għas-sena d-dieħla li se jkun qed jitressaq għada.

Kristy Debono qalet li qegħdin f’sitwazzjoni fejn fl-aħħar snin taħt Gvern immexxi mill-Partit Laburista, ibbażajna l-ekonomija fuq ċifri u dipendenzi f’ċerti setturi, u l-bejgħ tal-passaporti.

Il-Gvern bla pjan fit-tul

Kristy Debono fissret li fil-pajjiż ibbażajna fuq is-setturi importanti bħat-turiżmu u s-servizzi finanzjarji fuq il-kwantità aktar milli fuq il-kwalità. Il-Gvern kien kuntent biċ-ċifri li kienu qed jidhru tajbin, iżda dawn iċ-ċifri kienu l-miżuri ta’ kuljum u fil-verità ma kienx qiegħed jippjana fit-tul u fuq is-sostenibbiltà tagħhom.

Bħala Oppożizzjoni dejjem emminna li s-suċċess ekonomiku jkun meta ċ-ċifri tal-pajjiż ikunu pożittivi meta jibbenefika minnhom kulħadd, u meta kulħadd jesperjenza l-ġid komuni u t-tkabbir ekonomiku.

Fil-verità llum għandna kważi mitt elf persuna li qegħdin fir-riskju tal-faqar u għandna ekonomija mingħajr direzzjoni u mingħajr viżjoni fit-tul.

Il-mudell ekonomiku jrid jinbidel

Wara l-Covid-19 il-Gvern irrealizza li l-mudell ekonomiku ta’ kuljum irid jinbidel. Għandna sitwazzjoni fejn hemm inkonsistenzi bejn il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi tiegħu, fejn wieħed jgħid li d-dipendenza fuq l-iżvilupp jeħtieġ li tieqaf u l-Prim Ministru ftit tal-jiem wara jgħid li s-settur tal-iżvilupp jeħtieġ li jibqa’ pilastru importanti.

Qed naraw inkonsistenzi fuq il-politika tal-impjieg tal-barranin fil-pajjiż. Qed naraw inkonsistenzi bejn id-direzzjoni ekonomika u s-settur bankarju fejn nafu li l-mudell tas-settur bankarju f’dawn l-aħħar snin bir-reputazzjoni ħażina tal-pajjiż, speċjalment issa bil-greylisting, qiegħed dejjem jadatta approċċ b’riskju baxx u li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jibbaża s-servizzi tiegħu fuq dawk tradizzjonali, u dan jikkontrasta ferm ma’ dak li jgħid il-Gvern li jrid jinvesti f’setturi innovattivi bħal fin-tech gaming u oħrajn li għandhom bżonn pjattaforma bankarja għalihom.

Politika ta’ insabbilità u inċertezza

Hu fatt li wieħed mill-akbar ostakoli għan-negozjant biex dan jibda jaħseb u jippjana l-immedjat u l-futur tiegħu, hi l-instabbilità u l-inċertezza.  L-inċertezza mhux biss dwar il-qagħda globali ta’ wara l-Covid-19 li dik mhi tort ta’ ħadd, imma hemm inċertezza dwar l-impatt tal-greylisting fuq pajjiżna, u l-instabbilità kbira fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi.

Kull negozju tista’ tgħid kemm fil-qasam tas-servizzi profossjonali u servizzi fir-retail, jgħidulek li mhux biss ma jistgħu jippjanaw il-progress u t-tkabbir fin-negozju jew fix-xogħol tagħhom, imma anqas jistgħu jibdew il-proċess tal-irkupru tagħhom ta’ wara l-Covid-19 minħabba n-nuqqas kbir fl-impjiegi.

Dan hu wkoll hu frott ta’ dipendenza għaġġelija li l-Gvern ġab fuq il-pajjiż bl-impjiegi barranin, iżda mingħajr pjan strateġiku li jiggarantixxi s-sostenibbiltà fid-diversi oqsma.

Nafu li issa anki l-Ministru tal-Finanzi qed jgħid li jeħtieġ li nibdew studju dwar il-politika dwar l-impjiegi, iżda kull ġurnata mitlufa qed tfisser lil pajjiżna aktar opportunitajiet mitlufa għall-irkupru u għall-iżvilupp fix-xogħol rispettiv.

Ħtieġa ta’ taħriġ u investiment

Għal dawn l-aħħar snin tkellimna kemm-il darba dwar il-bżonn ta’ taħriġ u investiment fl-uniku riżors li għandu l-pajjiż… jiġifieri fir-riżors uman. Iċ-ċokon tal-pajjiż dejjem kien dak li hu, u ma nistgħux nużaw illum bħala dan l-argument, bħala skuża għall-iskill gap.

Hi realtà li hemm diversi xogħlijiet fl-IT, fil-gaming u fl-accounting u fis-servizzi finanzjarji fejn qed ikun hemm bżonn kbir ta’ impjiegi.  Hawnhekk jenħtieġ li l-investiment fl-istudenti tagħna jsir minn età żgħira biex jitrawmu u jkunu ggwidati lejn dawn l-oqsma u allura jkunu ggwidati biex jissoktaw l-istudji tagħhom lejn fejn fil-pajjiż hawn l-aktar opportunitajiet.

Bżonn ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja

Dawn huma impjiegi ta’ kwalità għolja, b’pagi tajbin u ta’ valur addizzjonali u allura anki hawnhekk jeħtieġ li jkun hemm sinerġija ferm aktar effettiva bejn is-settur edukattiv sa minn età bikrija, is-settur tax-xogħol u min iħaddem.

Ir-realtà tal-lum hi li d-dinamika ta’ ċertu industriji hi waħda li tant hi mgħaġġla, speċjalment fis-setturi innovattivi bħall-IT u l-gaming, li sakemm student jiġi biex jiggradwa fis-suġġetti relattivi, hu imperattiv li l-istess suġġetti relattivi u l-kurrikulu tagħhom ikunu kontinwament aġġornati.

B’hekk biss l-istudenti tagħna jistgħu jibqgħu kompetittivi kemm fuq livell lokali u anki fuq livell ta’ lil hinn minn xtutna.

Suċċess ekonomiku jkun meta l-frott li jħalli l-pajjiż igawdi minnu kulħadd. Dan żgur ma tistax tgħid li japplika f’pajjiżna meta fl-aħħar snin b’mod konsistenti l-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar mhux biss ma naqasx iżda żdied għal kważi mitt elf persuna.

Il-fatt li r-rata tal-inflazzjoni baqgħet dejjem waħda mill-ogħla f’pajjiżna, meta mqabbla ma’ dik f’pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, żgur li ħalliet impatt negattiv l-aktar fuq il-faxxa vulnerabbli.

Għoli tal-ħajja inkwetanti

Kristy Debono enfasizzat li l-għoli tal-ħajja ma jweġġax l-aktar lil dawk li għandhom dħul tajjeb, imma titfa’ piż kbir fuq il-pensjonanti, dawk bi dħul baxx u l-vulnerabbli.

Rajna fejn il-prezz tal-ikel u l-mediċina u prodotti oħrajn bażiċi baqa’ jogħla u allura qiegħed ikompli jitfa’ pressjoni fuq għadd ta’ nies li diġà ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.

Wara l-Covid-19 fattur ieħor li kkontribwixxa għall-għoli tal-ħajja kien il-fatt li l-ispejjeż tax-shipping u l-loġistika għolew b’rata qawwija ħafna, saħansitra anki bi tliet darbiet aktar.

In-negozjant ma jistax jikkonsma dawn iż-żidiet kollha hu u allura l-prezz finali jispiċċa jħallsu l-konsumatur. Dan fih innifsu kompla jżid il-piżijiet fuq il-familji l-aktar li huma fil-bżonn.

Kristy Debono fissret li weġġgħat ukoll il-kompetittiva fost in-negozjanti tagħna li minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż, u minħabba li aħna niddependu minn ekonomija miftuħa, nispiċċaw niddependu ħafna mill-importazzjoni.

Il-Panama Papers bl-ewwel daqqiet

Tista’ tgħid wara l-iskandlu tal-Panama Papers, pajjiżna beda jieħu l-ewwel daqqiet fir-reputazzjoni tiegħu. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien u aktar ma seħħew ġrajjiet li komplew iħammġu isem pajjiżna, l-impatt fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż kompliet sejra lura b’rata mgħaġġla.

Bla dubju wieħed mill-aktar setturi li ħallas għal dan il-prezz kien is-settur tas-servizzi finanzjarji li hu kkunsidrat bħala pilastru mill-aktar importanti għal pajjiżna u li fih hemm jaħdmu eluf ta’ ħaddiema b’impjiegi ta’ kwalità għolja.

Minħabba dan il-fatt u minħabba l-fatt li l-lenti fuq pajjiżna bdiet tersaq aktar fuqna, il-banek b’mod partikulari, bdew ibiddlu l-mudell ekonomiku tagħhom u saru ferm aktar ristretti, u l-uniċi banek li kienu joffru servizzi inqas tradizzjonali wkoll waqqfu s-servizzi tagħhom.

Dan ifisser li settur bħall-gaming, blockchain u setturi oħrajn ma baqgħalniex bank lokali li jista’ joffrilhom is-servizzi li għandhom bżonn.

Bl-istess mod rajna kif bank ewlieni sab u għadu jsib diffikultajiet biex ikollu bank internazzjonali li jikkorrispondi miegħu biex ikun jista’ jagħmel it-transazzjonijiet f’muniti barranin, b’mod partikulari fid-Dollaru Amerikan.

Il-Gvern għalaq għajnejh għall-korruzzjoni

Kristy Debono qalet li dan kollu għaliex pajjiżna kien tpoġġa taħt lenti li l-Gvern Laburista baqa’ ma jiħux bis-serjetà, inkluż il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u allura s-settur bankarju kellu jiffoka billi jżid il-miżuri ta’ compliance u due diligence kif mitluba minn istituzzjoni Ewropej, imma wkoll beda jitlef il-kredibbiltà mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Mal-greylisting is-sitwazzjoni kompliet taggrava fejn illum issib negozjanti li jgħidulek li banek internazzjonali ma jridux jagħmlu negozju ma’ kumpaniji Maltin u fejn min iħaddem jgħaddi minn proċeduri regorużi biex iħaddem ħaddiem barrani iżda mbagħad isib diffikultajiet kbar biex jiftaħ kont bankarju.

L-aċċess għall-finanzi permezz ta’ loans u oħrajn qed isir dejjem aktar diffiċli u dan kollu qiegħed ikompli jnaqqas il-kompetittività tal-pajjiż.

Il-proċeduri ta’ kontra l-ħasil tal-flus huma importanti, iżda pajjiżna issa kellu jmur fl-estrem l-ieħor biex jikkonvinċi lill-FATF li aħna ppreparati u ta’ dan qiegħed iħallas l-aktar is-settur bankarju, il-klijenti tiegħu u n-negozjanti li jgħidulek kemm qed ikun diffiċli li tagħmel in-negozju mal-banek f’Malta.

Din hi waħda mill-akbar problemi li qed ixxekkel mhux biss in-negozju tagħna, imma qed taqta’ qalb ukoll l-istartups u lil dawk il-barranin li jkunu jridu jinvestu f’pajjiżna.

Mhux faċli li noħorġu mill-greylisting

Mistoqsija dwar x’taħseb li se jkun qed jiġri fir-rigward tal-greylisting, Kristy Debono fissret li jekk il-Gvern irid li tassew juri l-impenn tiegħu u jikkonvinċi lill-FATF li pajjiżna qed jieħu bis-serjetà l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, jaf li l-uniku soluzzjoni trid tkun li tintrefa’ r-responsabbiltà u tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ dawk li  tassew ħammġu isem pajjiżna fuq il-ħasil tal-flus.

Hu inaċċettabbli dak li ġara nhar l-Erbgħa li għadda quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi meta l-Gvern kellu l-opportunità li jibgħat messaġġ fil-kriżi li tefa’ lill-pajjiż fiha minħabba l-FATF, u minflok ma għażel li jaqbad il-barri minn qrunu u jagħmel dak li mistenni u sewwa, għażel li jiddefendi lill-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi li rrifjuta li jixhed quddiem il-PAC, u għal darba oħra jerġa’ jkun kompliċi fl-impunità.

Fih innifsu biss dak li ġara nhar l-Erbgħa li għadda jwassal fil-pajjiż u lil hinn minn xtutna messaġġ qawwi li l-Gvern Laburista mhux veru li jrid jiġġieled b’mod effettiv lill-korruzzjoni u lill-korrotti. Kieku verament il-Gvern Laburista jrid jiġġieled lill-korruzzjoni u lill-korrotti, kieku jaħtaf kull ċans li jkollu biex juri li ma jridx ikollu x’jaqsam magħhom. Imma nhar l-Erbgħa li għadda l-Gvern reġa’ wera li hu lest joħroġ għonqu għal min hu korrott… u allura kif pajjiżna jista’ joħroġ mill-greylisting?