Internazzjonali

It-Tajwan mhux se jbaxxi rasu għall-pressjoni taċ-Ċina

Il-President tat-Tajwan Tsai Ing-wen, waqt diskors imqanqal, enfasizzat li pajjiżha mhux se jbaxxi rasu għall-pressjoni u l-intimidazzjoni taċ-Ċina. Hi kompliet, intant, li t-Tajwan se jagħmel minn kollox possibbli biex jiddefendi l-ħajja demokratika li l-poplu tiegħu ilu jgħix għal dawn is-snin kollha.

Id-diskors ta’ Tsai sar fi żmien ta’ ‘tensjoni storika’ maċ-Ċina u meta l-ajruplani militari ta’ Beijing, kważi kuljum, qed jinfiltraw iz-zona tas-sigurtà tat-Tajwan bħala ‘wirja ta’ saħħa’.Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża u qed tinsisti dwar ‘id-dritt għall-forza’ biex iġġib lura lill-gżira-Stat  taħt kontroll.

Tsai Ing-wen, waqt id-diskors, qalet li ‘aktar ma jirnexxu t-tragwardi tat-Tajwan, akbar qed tkun il-pressjoni min-naħa taċ-Ċina’.  

Hi kompliet li t-Tajwan mhux se jieħu azzjonijiet mgħaġġlin iżda għandu jsaħħaħ id-difiżi ‘biex ma jkunx sfurzat li jaqbad id-direzzjoni li ċ-Ċina qiegħda tfassal għat-Tajwaniżi’. Il-President kompliet li l-pjan taċ-Ċina għat-Tajwan ‘la jinvolvi ħajja bbażata fuq id-demokrazija u lanqas xi kunċett ta’ sovranità’.

Id-diskors kien partikularment sinifikanti għaliex sar fil-Jum Nazzjonali tat-Tajwan u wara li l-President taċ-Ċina Xi Jinping ħalef li jwassal għar- ‘reunifikazzjoni sħiħa tal-pajjiż ( b’viżjoni li t-Tajwan jifforma parti mit-territorju taċ-Ċina waqt li jibqa’ taħt il-kontroll ta’ Beijing).’

Fit-Tajwan jgħixu 23 miljuni u Tsai Ing-wen kienet eletta mill-ġdid, is-sena l-oħra, wara li wiegħdet li tkompli ‘tisfida liċ-Ċina u tiddefendi d-demokrazija’. Sadanittant, fl-aħħar sigħat spikka kumment uniku tal-President fis-sens li ‘it-Tajwan qed jipprovdi l-ewwel linja ta’ difiża għad-demokrazija fuq livell globali’.