Lokali Saħħa

“Kura ugwali għas-saħħa mentali: nagħmluha realtà” – Mark Xuereb

Bżonn ta’ żewġ Kummissarji ddedikati għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali u għas-Saħħa tal-Anzjani, għaliex l-anzjani bi problemi ta’ saħħa mentali jixirqilhom Kummissarju separat.

F’dawn l-aħħar sagħtejn jien u nipprepara għal dan l-artiklu, il-Crises Intervention Team irċieva xejn anqas minn 15-il każ bi problemi diversi.

Il-każi huma dawn li ġejjin.

• Jiena miġnun… mhux inħossni tajjeb illum għax il-mara trid tissepara u jien ma nistax ngħix… ir-raġel jista’ jeħodli t-tarbija għax qed nieħu l-kura b’mediċina. Jien diżastru.

• Id-dimensja ta’ missieri hi tant li l-anqas qed jagħraf lili.

• Jien ma nistax, għandi problema sesswali. Jiena gay.

• Ma nistax ngħix b’dan it-trab u ħsejjes mill-penthouse u minħabba fihom se nagħmel waħda tinkiteb.

• Se nitlaq minn din id-dinja.

• It-telefon u n-nies ma waqfux ġejjin… kissirt il-laptop u bdejt ngħajjat mal-boss.

• Jien żgur li dawn qed iwaħħlu l-wires fil-computers u jiċċekkjaw dak li qed nagħmel u jaqraw il-ħsibijiet tiegħi.

• Wieħed mill-impjegati tagħna mill-Iskandinavja. Daħal ix-xogħol xurban u qed jgħid li jrid imut. Naħseb li qed jieħu xi droga.

• Missier inkwetat qal li t-tifel għandu l-awtiżmu u ma jistax jintegra ma ħadd. Għandu 27 sena u jrid tfajla. Ikollu panic attacks u jibda jwerżaq meta tfajla ma ttihx wiċċ. Ġadd ma jrid jgħinna ħlief jibagħtuna minn post għal ieħor ma jagħmlux.

• Għandi tifla żgħira tpinġi stampi ta’ twiebet. Qed nibża’ u man nafx x’irrid nagħmel. Missierha għamel suwiċidju.

• Imma għaliex il-gvern ma jagħtix terapiji u mediċini b’xejn bħal pereżempju mard tal-kanċer u tal-qalb? Bilkemm nistgħu naffordjaw ir-renta!

• Għajjejt fuq li għajjejt. It-tifla ma tridx tistudja, l-aqwa li ttiha l-aqwa mobile u kulma tagħmel fuq is-sodda kuljum u għandha l-eżamijiet ġejjin.

• Ma nistax norqod. Għadni nxomm ir-riħa minn ħalqu maħmuġa. Riħa ta’ alkoħol meta jmissni.

• Imbikkem jgħidilna li jiddispjaċini ngħidilkom li r-razziżmu f’Malta għadu hawn. Mort niffirma xi karti u qaluli li jien mhux raġel bħall-oħrajn għax niġi minn pajjiż ieħor.

• Omm qalet li ma tistax tmur il-qorti għax għandha wisq ansjetà.

Dawn il-15 każ kollha ġraw wara nofsinhar u fil-fatt ittestjaw l-iskills ta’ kriżi tiegħi hekk kif l-editur ta’ din il-gzzetta kien qed jistenna ħerqan dan l-artiklu. Jekk dan mhux biżżejjed, kelli tistennieni wkoll klinika mimlija nies bi kriżi.

Il-ħanżir u s-saħħa mentali

Xtaqt nibda l-artiklu billi nistaqsi lin-nies, intkom ġieli ħassejtukom bħal ħnieżer? Ma rrid ninsulta lil ħadd jew nilludi li huma wikkiela. Qed nistaqsi għaliex il-ħanżir u s-saħħa mentali bħalissa huma l-moda għal din is-sena. Fil-fatt, l-Oganizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u d-ditta Angry Birds nidew turnament kompetittiv fuq l-internet u żiedu magħha tips biex wieħed iżomm ruħu b’saħħtu mil-lat psikoloġiku.

Għal min bħali ma jafx, Angry Birds hi franchise, oriġinarjament mill-Finlandja, ibbażata fuq films u gaming fuq l-internet. Il-logħba tittratta fuq għasafar irrabjati li jimxu minn xenarju għal ieħor biex isalvaw il-bajd taż-żgħar tagħhom u joqtlu ħnieżer, li huma tellgħuhom b’kulur aħdar. Il-WHO biex timmira lil ħafna nies li sfaw vittma tal-COVID u qegħdin imkaħħlin mal-interne  u l-kompjuter, qed torganizza turnament internazzjonali b’xejn anqas minn 20 video game ta’ din is-sensiela popolari.

L-għan tat-turnament hu li joffri għajnuna ta’ kif  tista’ ttejjeb is-saħħa mentali u psikoloġika permezz tal-logħba Angry Birds. Dawn il-ħnieżer ħodor huma abbużati minn kull tip hekk kif l-angry birds jitfgħulhom iċ-ċnagen u blalen kbar lejhom. Ħnieżer li mhumiex bħal dawk ta’ Animal Farm ta’ George Orwell fejn dawn il-ħnieżer il-ħodor huma anqas ugwali mill-għasafar, bħall-15-il każ li għadni kif irriferejt għalihom li huma anqas ugwali jew b’anqas opportunitajiet minn dawk li jbatu minn problemi ta’ saħħa fiżika. Huma l-inugwali.

Min-naħa lora hemm il-ħnieżer oħrajn. Bħal pereżempju fis-sensiela Winnie the Poo, hemm il-ħanżir iż-żgħir li hu Piglet. Għalkemm hu ħelu u bravu, hu timidu imma piglet li jipprova jkun qalbieni u ħafna drabi jegħleb il-biżat li jkollu. Hemm ukoll is-sabiħ maħbuba Peppa Pig u l-familja tagħha – l-anġlu u x-xitan għal kull ġenitur. Wieħed jista’ jara fis-sensiela Peppa Pig – l-ideal ta’ soċjetà u familja magħquda u qegħdin hemm għal xulxin.

Bħal Piglet u Peppa, in-nies ta’ dawn il-15-il każ ma jkunux jistgħu jirreaġixxu għall-kriżijilet tal-ħajja. Dawn ukoll għandhom qalb, min iħobbhom, moħħ, u għandhom ukoll l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-biżgħat ukoll. Għandhom ukoll it-tama bħal kull wieħed u waħda minna.

Bħal Piglet u Peppa huma jiffaċċaw il-kriżijiet kuljum u huma wkoll jippruvaw jegħlbu l-biżgħat tagħhom u jkunu qalbiena u xi drabi wkoll jitolbu l-għajnuna ta’ ħadd ieħor fejn u  jekk isibuha.

Ftit jew wisq aħna lkoll ħnieżer mil-lat metaforiku fi stat jew ieħor f’ħajjitna. Wieħed ukoll jista’ jara l-karattru ta’ Pigy fil-ktieb ta’ William Golding ta’ Lord of the Flies, fejn dawn  il-15-il każ ukoll għandhom il-potenzjal li jirriflettu u jaħsbu biex jaraw il-loġika tal-ħajja.

Iżda inċidenti fil-ħajja, forsi ġeopolitiċi, l-ekonomija, l-ambjent soċjali, vizzji, il-Covid, il-mard, l-edukazzjoni, il-gwerra, l-immigrazzjoni u l-ġenetika fost l-oħrajn, jistgħu jiddeterminaw jekk dawn il-15-il każ u oħrajn isirux dawk il-ħnieżer ħodor tal-logħba Angry Birds; jew isiru l-ħnieżer tal-ktieb ta’ George Orwell; jew inkella jsirux Piglet – Peppa jew Piggy kif sagrifikat fin-novella.

Id-domanda tiġi: kif jista’ wieħed jagħmel dawn il-15 ugwali bħal fl-istorja ta’ Piglet u Peppa mingħajr il-preġudizzju tal-karattri ħnieżer l-oħrajn? Kif jista’ wieħed jagħmel l-aċċess għas-saħħa mentali ugwali għal dik tas-saħħa fiżika? Kif tista’ ssir realtà hekk kif jgħid is-slogan tal-WHO għal din is-sena għal ġurnata dinjija għas-saħħa mentali.

Wish list

Jien għandi wish list.

• Naħtru Minsitru b’portafoll dedikat biex nikkumbattu s-suwiċidju u s-self harm f’pajjiżna bħalma kien hemm fl-Ingilterra fl-aħħar sentejn.

• Inniedu kumitat nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u self harm magħmul minn stakeholders u esperti varji kif  ukoll nies li għaddew minn din it-trawma għax l-opinjoni tagħhom tiswa sew biex nimplimentaw l-abbozz li diġà hemm għall-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju li għandna tant bżonn.

• Nintroduċu White Paper bl-għan li nwaqqfu s-suwuċidju u s-self harm, noffru kura u riċerka Made in Malta biex niddeterminaw dak li hu tajjeb u nsaħħuh, u nbiddlu fejn hu meħtieġ.

• Leġiżlazzjoni biex ikun hemm Crises Executive f’kull post tax-xogħol li jagħti għajnuna u jidentifika nies f’riskju u jingħata l-għajnuna meħtieġa u filwaqt.

• Ikun hemm kull sena aktar flus fil-budget għas-saħħa mentali hekk kif mad-dinja kollha hemm anqas flus – madwar 5% tal-budget għas-saħħa ta’ mard mentali  u l-prevenzjoni tagħhom.

• Grupp terapewtiku fil-kampanja li jispeċjalizza f’personalities disorders u jkun hemm ukoll proviżjoni b’fondi għal terapiji ġodda li jkunu b’xejn bl-istess mod li trattamenti fiżiċi huma b’xejn.

• Crises Centre bieb ma’ bieb mal-Emerġenza f’Mater Die attrezzat biex tingħata l-għajnuna għal min hu fi kriżi psikoloġika bħalma jingħata kura state of the art għal min ikollu kriżi fiżika.

• Inutli li jkollna kliniċi tajbin fil-komunità jekk l-emerġenza tas-saħħa mentali, il-Crises Team, ma jkunx qed jiffunzjona.

• Ikun hemm rapport nazzjonali kull sena li jagħti numri ta’ każi ta’ suwiċidji u self harm biex naraw kif dejjem aktar insaħħu s-servizzi u naraw dak li qed jaħdem u mhuwiex.

• Nipprovdu faċilità fil-komunità għal nies bl-awtiżmu meta jkunu kbar.

• Homeless Unit b’għajnuna għal dawk lil ma jkollhomx post fejn joqogħdu u għal dawk bi problemi psikoloġiċi.

• Shelters ta’ emerġenza għal dawk bi problemi fis-saħħa mentali.

• Sett forensiku għaż-żgħar f’bini ddedikat għalihom.

• Ethnic Minority  Centre għall-bżonnijiet psikoloiċi għal nies b’kulturi u lingwi differenti.

• Programm ta’ servizz nazzjonali għal dawk li għandhom il-vizzju għall-internet u gaming.

• Korsijiet biex intejbu s-social skills ta’ bejnietna bħala prevenzjoni għall-mard mentali u suwiċidju.

• Servizzi ta’ riabilitazzjoni u mhux one size fits all fil-kuntest tal-aħħar riċerka ta’ kwalità għolja Made in Malta, finanzjat mill-Gvern biex  is-servizzi kollha jkunu amalgamati u f’tim wieħed mingħajr ħela ta’ riżorsi.

• Ikun hemm żewġ Kummissarji ddedikati għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali u għas-Saħħa tal-Anzjani – meħtieġa għal diversi raġunijiet fosthom kunflitt ta’ interess, riżorsi, u għaliex l-anzjani bi problemi ta’ saħħa mentali jixirqilhom Kummissarju separat.

Irridu naħdmu

Bħal Peppa u bħall-Piglet irridu naħdmu fuq dawn il-gżejjer biex ikollna fondi, riżorsi u servizzi ta’ kwalità għolja kemm fil-kamp fiżiku kif ukoll f’dak mentali. Dan għandna obbligu li nagħtuh bl-aħjar mezzi lil dawk kollha li mhumiex ugwali u wkoll lil dawk il-15-il każ, u lil oħrajn.

Ilkoll jixirqilna li nkunu ħnieżer, biex ngħid hekk, kuntenti twajba u ugwali.

Jekk inti kont affettwat b’dan l-artiklu jew taf lil xi ħadd fi kriżi, ċempel 24 siegħa kuljum fuq 99339966  jew niżżel l-Kriżi App b’xejn u aqsamha ma’ ħadd ieħor.