Lokali

L-attitudni ta’ Abela tkompli żżid l-inċertezza

F’intervent qasir li għamel fuq ir-radju Laburista, il-Prim Ministru naqas milli jindirizza l-kwistjoni marbuta mad-data tal-elezzjoni ġenerali. Dan hekk kif qed tikber l-inċertezza…propju minħabba l-fatt li Robert Abela ma jridx jaqta’ darba għal dejjem din il-kwistjoni, u ma qal xejn dwar il-possibbilta’ ta’ elezzjoni f’Novembru.

Diversi negozji u sidien ta’ ħwienet illi tkellmu ma’ Net News, qalulna li din l-attitudni ta’ Robert Abela qed tkompli iżżid l-inċertezza. F’perjodu meta l-businesses diga’ qed isibuh ferm diffiċli biex isibu saqajhom.

Dan kien konfermat ukoll minn stħarrig tal-Kamra tal-Kummerc, illi wera…fost l-oħrajn….li l-piżijiet fuqhom qed ikomplu jiżdiedu, u se jwasslu biex 42 fil-mija tan-negozji jkunu kostretti jżidu l-prezzijiet matul it-12-il xahar li ġejjin.

Intant, fuq ir-radju tal-Lejber, il-Prim Ministru lanqas għamel aċċenn għall-piż tal-għoli tal-ħajja…u l-kontijiet eżaġerati tad-dawl u l-ilma…. żewġ kwistjonijiet li qed jaffettwaw ferm il-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Filfatt, diversi persuni ma’ Net News fl-aħħar ġimgħat

saħqu li l-għoli tal-ħajja qed jaffetwahom b’mod li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-paga li jaqilgħu u lanqas qed jirnexxilhom jixtru l-affarijiet essenzjali b’mod li jiġi affettwat l-istil ta’ ħajja li jgħixu.