Lokali

“PN fil-Gvern li jagħti lil uliedna futur li jixirqilhom” – Bernard Grech

Segwi hawnhekk l-attività politika tal-PN.


“Minkejja dak kollu li jagħmlu magħna, aħna nibqgħu reżiljenti, aħna nibqgħu mexjin ‘il quddiem, konvinti, determinati, għax dak li qed aħna nkunu qed nagħmlu aħna nemmnu fih, u għax nemmnu fih nibqgħu naħdmu għalih lejl u nhar”

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech f’attività poltika li saret fid-Dar Ċentrali, fejn tenna li bil-politika tiegħu l-PN qed joffri politika li tħares il-futur ta’ uliedna.

“Intom tridu tbiddlu dan il-pajjiż, aħna, flimkien nistgħu ntejbu dan il-pajjiż biex iva nħallu lil uliedna futur li jixirqilhom”

Bernard Grech qal li sfortunatment fid-dawl ta’ dak li qed nistennew mill-budget tat-Tnejn, se naraw ukoll aktar episodji tal-PBS maħtufa mill-Gvern, fejn in-nuqqas tal-Gvern, id-dejn li nħoloq, kien minħabba l-pandemija.

“Infieq żejjed ta’ Gvern bla pjan u mhux bil-għaqal”

Il-Kap tal-PN ħares lejn il-kuntratt tal-Vitals, kumpanija li nagħtat kuntratt ta’ 30 sena, fejn il-poplu Malti se jkun qed jagħti biljun ewro talli dawn m’għamlu kważi xejn. Wara ġew Steward Healthcare, fejn ukoll dawn ma għamlu xejn għas-saħħa tal-Maltin.

“Għall-PN is-saħħa tal-Maltin tiġi l-ewwel, għalina l-poplu jiġi l-ewwel, minn dawn il-kuntratti jeħtieġ li ninqatgħu. Intefqu flusna fejn il-poplu Malti mhu jieħu xejn lura”

Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista minflok għażel lill-poplu, għażel lil Konrad Mizzi. Dan ħareġ ċar fil-laqgħa li saret l-Erbgħa li għadda fil-Parlament fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fejn Konrad Mizzi ma tfaċċax biex iwieġeb, hekk kif l-eks Ministru tal-enerġija ma marx quddiem dan il-kumitat, bid-deputati Laburisti ma jikkundannawx l-aġir ta’ Konrad Mizzi. Anzi, spiċċaw ivvutaw kontra mozzjoni ta’ kundanna mressqa mill-PN.

Kien hawnhekk li Bernard Grech permezz tad-diskors tiegħu wettaq appell biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Konrad Mizzi, u saqsa għaliex dan għadu ma sarx.

“Lill-Kummissarju tal-Pulizija, x’qiegħed tistenna biex tinvestiga lil Mizzi u tressqu l-Qorti. Għalfejn mhux tieħu l-passi meħtieġa? Min qed jiġbed l-ispaga? X’jaf fuqkom Konrad Mizzi biex tibżgħu minnu?”

Dwar l-aħħar survey, il-Kap tal-PN qal li hawn ammont silenzjuz, li qed jibżgħu jitkellmu u li dawn se jitkellmu fil-jum tal-elezzjoni ġenerali.

“Irċivejt messaġġ mingħand persuna li taħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, qalli agħmel kuraġġ, qalli jgħidu x’jgħidu s-sondaġġi, jien u sħabi li vvutajna lill-PL fl-elezzjonijiet tal-2013 u l-2017, issa se nivvutaw lill-PN, dan l-istħarriġ is-sondaġġi ma jafuhx , għax aħna ma nitkellmux, qalli agħmel kuraġġ, għax hawn mijiet, eluf, li se jagħmlu hekk, li se jagħtu risposta dakinhar tal-elezzjoni”.

Fil-messaġġ tiegħu Bernard Grech qal li l-PN jista’ jġib il-bidla jekk flimkien bħala poplu nemmnu fil-futur li nistgħu nagħtu lil Malti tagħna.

Hemm il-ħtieġa tal-bidla fid-direzzjoni, hemm bżonn li nemmnu li nibqgħu nikkonvinċu lin-nies li l-PN għandu s-soluzzjonijiet li dan il-pajjiż għandu bżonn”