Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Il-President Zeman jinsab taħt kura intensiva wara l-vot nazzjonali

Il-President tar-Repubblika Ċeka, Milos Zeman, ittieħed l-isptar b’urġenza fi żmien meta l-pajjiż qed jiffaċċja taqlib politiku sostanzjali wara r-rebħa sorpriża għall-Oppożizzjoni fl-elezzjonijiet parlamentari ta’ tmiem il-ġimgħa.

Zeman, li għandu 77 sena, illum hu kostrett li juża wheelchair filwaqt li jbati mid-dijabete. Intant, il-President Ċek kien mistenni li jmexxi t-taħditiet lejn il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid wara l-vot tas-Sibt — bl-aħħar rapporti jgħidu li hu, issa, qed ibati ‘minn kumplikazzjonijiet ta’ kundizzjoni magħrufa’. Intant, il-kelliema għall-isptar fejn Zeman jinsab rikoverat ma riedux jagħtu aktar dettalji.

Aktar kmieni filgħodu, Zeman kellu laqgħa mal-Prim Ministru Andrej Babis li, qabel l-elezzjoni, kien qed jittama f’mandat ġdid ta’ poter bħala l-Kap tal-Partit ANO populista. Madankollu, il-partit ta’ Babis spiċċa megħlub wara erba’ snin ta’ poter u fejn spikka s-suċċess tal-koalizzjoni Spolu, taċ-ċentru-lemin, li rebħet mat-28 fil-mija tal-vot kontra s-27 fil-mija għall-ANO.

Il-koalizzjoni Spolu issa ħabbret l-intenzjoni li tidħol f’taħditiet mal-koalizzjoni liberali PirStan bil-għan li jiffurmaw Gvern. Madankollu Zeman kien qal, qabel l-elezzjoni, li kellu jagħżel l-akbar partit individwali biex jifforma Gvern aktar milli jiftaħ it-triq għal koalizzjoni ġdida.

U peress li l-ANO kiseb l-aktar voti minn fost il-partiti kollha li kkuntestaw din l-elezzjoni, is-sitwazzjoni kapaċi tkun favorevoli għal Babis li hu alleat antik tal-President Zeman.

Sadanittant, il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka tippermetti biex il-kamra t’isfel tal-Parlament taħtar il-Prim Ministru f’każ li l-President tal-pajjiż ikun indispost — kif ukoll f’sitwazzjoni fejn il-pożizzjoni ta’ President tispiċċa battala