Lokali

Sena ilu Gvern Laburista antiċipa defiċit ta’ €750 miljun… u qed joqrob il-€1.6 biljun

Il-PN b’messaġġ ta’ tama għal pajjiżna

“Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit imniedi mill-Partit Nazzjonalista fil-jiem li għaddew iwassal messaġġ qawwi li l-Gvern irid jibda jindirizza l-politika għall-ekonomija ta’ pajjiżna bis-serjetà u mhux jibqa’ jifqa’ lis-settur pubbliku b’eluf ta’ impjiegi li mhumiex meħtieġa iżda biss kaċċa għall-voti.

“Dan id-Dokument jappella lill-Gvern ma jibqax iberbaq flus il-poplu bl-addoċċ, u minflok jinvesti bis-serjetà fit-tagħlim u fit-taħriġ biex iż-żgħażagħ tagħna jaħtfu l-opportunitajiet li hemm fis-settur tas-servizzi u fl-igaming fejn l-impjiegi huma ta’ valur ogħla.

“Bla dubju ta’ xejn li l-Gvern ma jistax jibqa’ jonfoq bl-addoċċ bir-riżulta li sena ilu antiċipa defiċit ta’ €750 miljun u fil-verità issa resqin lejn defiċit ta’ xejn inqas minn €1.6 biljun.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha Mario de Marco, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi, f’intervista dwar id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit li ppreżenta l-PN u wkoll dwar dak mistenni fil-Baġit tal-Gvern għas-sena d-dieħla li se jkun qed jitressaq għada.

Dan hu s-seba’ Dokument ta’ Qabel il-Baġit li l-PN fl-Oppożizzjoni nieda fl-aħħar snin. “Ippreżentajna dan id-Dokument għaliex emminna li l-Oppożizzjoni m’għandhiex tkun biss reattiva għall-Baġit li jitfassal mill-Gvern, imma trid tkun pro-attiva fuq kif għandu jitfassal il-Baġit tal-Gvern.

“F’dan id-Dokument aħna nagħmlu analiżi ġenerali tal-qagħda ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna, kif ukoll f’kuntest internazzjonali.

“U naraw ftit ukoll dawk li jidhrilna li huma l-akbar sfidi li qiegħed jaffronta pajjiżna attwalment u fis-sena li ġejja, u naraw kif pajjiżna għandu jindirizza u jilqa’ għal dawn l-isfidi.”

Mario de Marco fisser li fl-aħħar mill-aħħar il-Baġit m’għandux ikun biss eżerċizzju aritmetiku, imma għandu joffri d-direzzjoni tal-gvern għas-sena finanzjarja li tkun ġejja.

Ikun żball iżda jekk Baġit ma jħarisx lil hinn minn dik is-sena u kull gvern għandu r-responsabbiltà li jħares lil hinn u jagħti sens ta’ direzzjoni lil hinn minn dik is-sena  li jkollu quddiemu.

Tama għal pajjiżna

Din is-sena l-PN iddefinixxa d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit bi tliet kelmiet:  “Irkupru, Tkabbir u Suċċess’ jew aħjar

“Nissaħħu, Nikbru u Nirnexxu.”

Mario de Marco qal li l-ewwel kelma, ‘irkupru’, tħares lejn l-isfidi tal-pajjiż fl-immedjat għaliex fl-immedjat hemm bżonn li l-pajjiż jissaħħaħ.

It-tieni kelma hi ‘nikbru’ u din qed tħares lejn l-isfidi u l-għan tal-pajjiż fil-medium term.

It-tielet kelma hi ‘nirnexxu’u din hi l-għan għall-pajjiż fuq long term.

“Dan irridu narawh f’kuntest ta’ bidla. Ħafna drabi jgħidu li l-bidla hi inevitabbli. F’każijiet oħrajn iżda l-bidla ma tkunx biss inevitabbli, imma saħansitra neċessarja.

“Fil-klima li qed ngħixu fiha llum f’pajjiżna, il-bidla hi fuq kollox neċessarja,” fisser Mario de Marco.

Id-Dokument iħares lejn ħames aspetti li l-PN jidhirlu li għandhom bżonn attenzjoni u li jkunu indirizzati bil-Baġit li ġej.

• Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt.

• L-impatt tal-Covid-19 fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u fuq is-soċjetà.

• L-istat tal-finznzi pubbliċi.

• Id-dinja tax-xogħol.

• L-opportunitajiet ġodda ekonomiċi u dak li għandha tkun il-viżjoni ekonomika l-ġdida għal pajjiżna.

Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Mario de Marco qal li: “Jekk niġu għall-ewwel tema li tirrigwarda l-aspett tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, ilkoll nafu li din waslet fit-tarf. Bil-qofol ta’ kollox kienet id-deċiżjoni meħuda f’Ġunju li għadda mill-FATF li poġġiet lil Malta fuq il-lista l-griża ta’ pajjiżi għal dak li jirrigwarda l-ħasil tal-flus u r-reati relatati mat-terroriżmu.”

“Stħarriġ reċenti li sar mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem wera li 88 fil-mija ta’ dawk intervistati huma mħassba li dan l-istat ta’ fatt se jkollu impatt negattiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Nafu li d-deċiżjoni tal-FATF jista’ jkollha effetti serji fuq is-sistema bankarja ta’ pajjiżna u fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji u l-igaming li huma żewġ setturi li llum huma fost is-sisien tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Nafu wkoll li d-deċiżjoni meħuda mill-FATF ittieħdet għaliex il-pajjiżi membri tal-FATF ma kenux konvinti li l-Gvern Malti kellu r-rieda politika li jimplimenta b’mod effettiv u mingħajr diskriminazzjoni l-liġijiet fis-seħħ kontra r-reati relatati mal-ħasil tal-flus.”

Minħabba l-impatt serju li din id-deċiżjoni jista’ jkollha fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, l-Oppożizzjoni offriet minnufih li jinħoloq task force nazzjonali li fih ikunu rappreżentati mhux biss il-partiti politiċi imma anki l-korpi kostitwiti rilevanti f’dan ir-rigward biex Malta terġa’ titpoġġa fuq il-lista l-bajda tal-FATF mingħajr dewmien.

Proposti għal governanza tajba

Sfortunatament il-Gvern qiegħed ipoġġi l-interess politiku tiegħu qabel l-interess nazzjonali u rrifjuta din l-offerta tal-Oppożizzjoni.

Il-PN qiegħed ’il fuq minn għaxar proposti intiżi biex jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza t-tajba u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun imsaħħa.

Fost affarijiet oħrajn il-Partit qiegħed jipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman b’sistema ta’ skrutinju parlamentari biex il-Gvern jevita milli jonqos milli jesegwixxi r-rakkomandazzjoni tal-istess Ombudsman.

“Qed nipproponu wkoll li nirrevedu l-Kumitat Parlament fuq l-Istandards tal-Ħajja Pubblika billi tkun stabbilita proċedura aktar adatta biex timplimenta n-nuqqasijiet li l-Kummissarji tal-Istandas u l-Ħajja Pubblika jkun sab fl-aġir ta’ deputat jew uffiċjal pubbliku.

“Qed nipproponu li jkun introdott r-reat ta’ abbuż ta’ uffiċċju pubbliku u li jkun rivedut il-Kodiċi tal-Etika b’definizzjni ta’ x’azzjonijiet għandhom jittieħdu f’każ ta’ ksur ta’ l-istess Kodiċi.

“Qegħdin nipproponu, fost affarijiet oħra, li tkun riveduta l-kapaċità u knowledge base tal-istituzzjonijet li huma responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus biex dawn ikollhom il-kapaċità u l-abbiltà li jinvestigaw dawn ir-reati serji b’mod awtonomu u indipendenti mill-gvern tal-ġurnata.

“Qegħdin naqblu wkoll mal-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ dwar ir-regolazzjoni tal-lobbying billi jsir Reġistru u tkun introdotta liġi li tirregola dan l-aġir.

“Naqblu mal-proposti tal-Kamra tal-kummerċ biex issir  reviżjoni sħiħa tar-regolamenti relatati mal-offerti pubbliċi.”

L-impatt tal-Covid-19 fuq l-ekonomija

Mario de Marco fisser li għal dak li jirrigwarda t-tieni suġġett analizzat f’dan id-Dokument – dak li jirrigwarda l-impatt tal-Covid-19 fuq l-ekonomija tas socjeta tagħna – tajjeb jingħad li tul l-2020 pajjiżna kellu fost l-akbar tnaqqis eknomiku minn fost il-pajjiżi tal-UE. Dan minħabba li l-ekonomija ċkienet bi kważi 8%.

Filwaqt li din is-sena l-ekonomija hi proġettata li tikber bir-rata ta’ 5%, u 5.9% għas-sena d-dieħla, din ir-rata ta’ tkabbir se tkun impattata b’nuqqas ta’ ħaddiema fil-post tax-xogħol u bl-impatt tal-grej listing u bir-rata tal-irkupru tat-turiżmu.

“Nafu wkoll li r-retail f’pajjiżna ħass l-impatt tal-Covid-19 b’rata ferm ogħla minn dik tal-UE.

“Qiegħda tgħolli rasha wkoll l-inflazzjoni li għall-ewwel darba wara ħafna snin f’Awwissu ta’ din is-sena qabżet ir-rata ta’ 2%.

“Qegħdin għalhekk nipproponu li l-Gvern għandu jkompli jipprovdi għajnuna lil dawk l-intrapriżi li kienu affettwati u għadhom affettwati b’mod materjali mill-impatt tal-Covid-19 billi jagħti għajnuna li tkun iffukata u temporanja b’mod li jsir qafas neċessarju biex issir ir-ristrutturazzjoni neċessarja u b’mod sostenibbli li tissalvagwardja l-impjiegi.

“Qegħdin nipproponu li dawn il-miżuri jitqiegħdu f’time frames stabbiliti għaliex in-negozji kollha jaħdmu b’viżjoni fit-tul u mhux b’viżjoni ta’ xahar b’xahar.

“Irridu nkomplu nsaħħu r-relazzjoni bejn is-saħħa pubblika u l-ekonomija għalliex dawn huma żewġ naħat tal-istess munita. Pajjiż b’saħħtu joffri ekonomija b’saħħitha. U viċi-versa.

“Qed nippropu wkoll  numru ta’ miżuri fiskali biex nistimulaw l-intrapriżi jagħmlu ri-investiment tal-profotti tagħhom.”

Il-finanzi pubbliċi

It-tielet suġġett eżaminat f’dan id-dokument hu l-istat tal-finanzi pubbliċi u tajjeb li wieħed josserva kif is-sena li għaddiet kellna defiċit li qabeż l-10% u din is-sena se jkun qed jersaq lejn it-12%.

Is-sena d-dieħla hu proġettat mill-IMF li jkollna defiċit ta’ 6.5%.

Din is-sena l-Gvern mar żmerċ bil-goff fl-istima tad-defiċit u d-dejn nazzjonali.

Fil-Baġit li għadda Edward Scicluna, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Finanzi, bassar li għal din is-sena l-Gvern kien se jagħmel defiċi ta’ €750 miljun. Id-defiċit fil-fatt se jkun qed joqrob il-€1.6 biljun.

Filwaqt li parti minn dan id-defiċit hu riżultat tal-ispiża aktar għolja tal-Gvern minħabba l-miżuri li ttieħdu waqt il-Covid-19 biex insalvaw l-intrapriżi u l-impjiegi, dan id-defiċit hu dovut ukoll minħabba d-dħul tal-Gvern minħabba r-reċessjoni. Hu fatt ukoll li parti qawwija minn dan id-defiċit hu dovut għall-fatt li qabel l-2020 il-Gvern żied b’mod sostanzjali u insostenibbli l-ispiża rikorrenti tiegħu.

Biex wieħed jifhem ftit, tajjeb li janalizza kif bejn l-2013 u l-2019 il-Gvern żied l-ispiża rikorrenti b’aktar minn 56%. Nafu wkoll li dan kien b’riżultat tal-fatt li l-Gvern kabbar is-settur pubbliku u minn 41,000 pesuna fl-2013 għal 50,000 fl-2020.

Kuntrarjament għall-impressjoni li jipprova jagħti l-Gvern, iż-żieda hi ħafna drabi f’oqsma li m’għandhomx x’jaqsmu mas-saħħa jew l-edukazzjoni li huma żewġ setturi fejn hemm tassew bżonn tan-nies.

Il-Gvern qed juża ż-żieda fl-impjiegi ħafna drabi biex jagħmel il-pjaċiri politiċi b’żieda qawwija ta’ persons of trusts li qed jitħallsu mit-taxxi tan-nies.

“Nafu wkoll b’kuntratti pubbliċi li huma tberbiq bla bżonn ta’ flus in-nies. Jekk nieħdu l-kuntratt tal-Vitals nafu li kull sena l-Gvern qed jonfoq il-miljuni kbar u li jekk tara dak li ma sarx, wieħed jirrealizza kif din hi ħala li pajjiżna mhux f’pożizzjoni li jsostni.

“Għalhekk qed nippropnu kif il-Gvern għandu juża b’mod aktar għaqli l-fondi pubbliċi biex jgħin lill-ekonmija ħalli tirkupra.

“Qed nipprppnu wkoll li jkun hemm soluzzjoni li fuqha jaqblu l-partiti dwar fuq xiex għandha tkun indirizzata l-ispiża pubblika biex tissaħħaħ l-industrija u tistimula l-opportunitjaiet ta’ xogħol vera b’miżuri li joħolqu l-ġid.

“Qed nitkellmu dwar kif il-fondi pubbliċi għandu jkollhom bħala prijorità l-investment fl-infrastruttura li tkun tinkludi mhux biss l-infrastruttura tat-toroq, iżda wkoll it-tisħiħ tal-infrastruttura diġitali ta’ pajjiżna.

“Qed nitkellmu dwar il-bżonn ta’ studju fuq l-impatt li l-armonizzazzjoni tat-taxxa tal-kumpaniji li qed tkun suġġerita fil-fora internazzjoni jista’ jkollha fuq l-ekonomija Maltija u x’soluzzjonijiet jista’ jkun hemm min-naħa tagħna biex pajjiżna jkompli jattira l-investiment barrani.”

Sfidi serji fid-dinja tax-xogħol

Mario de Marco għadda għar-raba’ tema f’dan id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit u qal li din hi relatata mad-dinja tax-xogħol; tema li l-PN dejjem kellu għal qalbu. Filwaqt li nirrikonoxxu li l-qgħad niżel, nafu li niżel ukoll għaliex iddaħħlu eluf ta’ nies mal-Gvern u pajjiżna għad għandu sfidi għal dak li jirrigward  l-early school leavers li għadu fost logħla rata fl-Ewropa.

Għad hemm spazju biex jidħlu aktar nisa fid-dinja tax-xogħol u għad hemm sitwazzjoni fejn iż-żgħażagħ mhux dejjem qiegħed ikollhom it-taħriġ neċessarju biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ xogħol kwalifikat bħal fis-setturi tas-servizzi finanzjari u l-igaming qegħdin joffru b’impjiegi ta’ kwalità għolja.

“Iżda dak li qed jiġri f’numru ta’ każijiet hu li f’pajjiżna qed nesperjenzaw dak li jissejjaħ skill shortages jew skills mismatch.

“Għamilna għalhekk aktar minn 25 proposta biex nindirizzaw dawn l-isfidi. Fosthom li naġġustaw is-sistema ta’ taxxa billi nnaqqsu r-rata ħalli ninċentivaw ix-xogħol part-time u ninkoraġġixxu lin-nies ma jirtirawx mill-ewwel jew anki jekk jirtiraw jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-PN qed jipproponi wkoll:

• reviżjoni tat-tax brackets biex in-nies ikollhom aktar flus f’idhom u jkunu aktar inċentivati jaderixxu mal-obbligi fiskali tagħhom;

• reviżjoni tas-sistema tal-COLA biex din tkun waħda aktar realistika.

konsultazzoni pubblika dwar l-introduzzjoni tal-living wage;

• inċentivi biex ninkoraġġixxu aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

aktar flessibbiltà fis-sistema tac-child care tagħna;

• inizjattivi biex nattiraw Maltin ikkwalifikati li qed jaħdmu barra l-pajjiż biex jiġu lura Malta;

• inċentivi biex skejjel tat-taħriġ joffru korsijiet fejn għandna nuqqas ta’ snajja’; u

• bonus lil dawk il-ħaddiema frontliners li tul il-pandemija tant għamlu sagrifiċċji għal pajjiżna.

Politika ekonomika ġdida

Mario de Marco qal li l-aħħar tema titkellem dwar il-futur u l-bżonn ta’ politika ekonomika ġdida u l-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista hi bażata fuq tliet pilasti.

• Ir-riżorsa umana

• Il-governana t-tajba

• Is-sostenibbiltà

“Iżda l-bniedem u l-individwu għandhom dejjem ikunu fiċ-ċentru tal-politika ekonomika tagħna.

“F’dan ir-rigward qegħdin nipproponu li l-Baġit jagħti l-opportunità li nsewwu dak li hu ħażin jew miksub fil-mudell eonomiku ta’ pajjiżna u noħolqu trasformazzjoni b’viżjoni ġdida u bi strateġija ta’ kif nistgħu nilħqu l-ekonomija l-ġdida għall-ġenerazzjoni li ġejja.

“Nitkellmu dwar il-bżonn ta’ patt soċjali ġdid li għandu jitfassal mal-korpi kostitwiti u l-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili biex nindirizzaw temi bħall-work life balace, l-introdduzzjoni tal-living wage, l-inadegwatezza attwali tal-pensjonijiet, ir-regolarizzazzjoni tal-ekonomija s-sewda u l-eleminazzjoni tax-xogħol prekarju billi dan isir xogħol regolari u b’kundizzjonijiet xierqa.

“Nitkellmu dwar il-bżonn li nużaw il-Fondi Ewropej  bħala l-vettura finanzjarju għat-trasformazzjoi tal-ekonomija b’mod sostenibbli.

“Għandna numru ta’ proposti biex nistabbilixxu lil pajjiżna bħala ċentru ta’ riċerka innovazzjoni u talent.

“Nitkellmu dwar il-bżonn li nistabbilxxu lil pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza tal-affarijiet marittimi. Din l-hekk imsejħa bħala l-Ekonomija l-Bluna u li diġà timpjega aktar minn 12,000 persuna u 20,000 b’mod indirett.

“Minn hawn insellem lil Malta Maritime Forum li għandu għadd ta’ proposti biex inkomplu naċċellaw f’dan is-settur u nkomplu nkabbruh.

“U ħafna mill-proposti dehrilna li kellna ninkorporawhom fid-Dokument tagħna b’sinjal ta’ sostenn.

Il-futur ta’ kull żvilupp ekonomiku

Mario de Marco temm billi spjega li fil-konklużjoni ta’ dan id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit nitkellmu dwar il-bżonn li nipproponu s-sostenibbiltà bħala punt fokali tal-iżvilupp ekonomiku u dwar l-ekonomija l-ħadra li hi l-futur ta’ kull żvilupp ekonomiku.

“Nikellmu wkoll dwar l-ekonomija diġitali u dwar il-gig-economy. “Nitkellmu dwar it-talent taż-żgħażagħ tagħna u tal-imprendituri żgħażagħ tagħna li fihom għandna ninvestul l-futur tagħna u nagħtuhom l-għodda u l-fiduċja neċessarja biex ikomplu jterrqu fit-triq li diġà bdew jimxu fiha.”