Lokali

Żvelati dettalji dwar il-ħbiberija bejn Konrad Mizzi u Yorgen Fenech

Jikber id-dell ikraħ fuq mizzi u l-Labour u il-PL jibqa’ ma jikkundannahx

Filwaqt li ħadd mil-Labour għadu ma kkundanna lil Konrad Mizzi… komplew joħorġu aktar stejjer li jitfaw dell ikraħ fuq l-istess Partit Laburista u l-eks Ministru Konrad Mizzi ….u proġetti li miss magħhom hu direttament.

Aktar stejjer li juru kemm kellhom relazzjoni mill-qrib il-persuni fil-Gvern Laburista mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, ingħata aċċess privileġġat għal dokumenti kunfidenzjali u korrispondenza ta mill-inqas tliet proġetti u azjendi li kienu mmexxija mill-eks Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi.

Dawn saħansitra wasslu biex Fenech abbozza ftehim  li minnu għamel profitt ta’ €5 miljun meta għen  kumpanija barranija tirbaħ offerta ppjanata għar-rilokazzjoni tal-kampus tal-ITS u l-lukanda fi Smart City.

Skont is-Sunday Times, Fenech ingħata wkoll aċċess għal dokumenti mmarkati bħala “kunfidenzjali” li kienu ndirizzati lil Mizzi fl-2013 dwar il-privatizzazzjoni ta’ parti mill-Enemalta. Dan kien jinkludi wkoll dettalji dwar il-proġett li imbgħad spiċċa intrebaħ mill-Electrogas li fit-tmexxija tagħha kellha lill-istess Yorgen Fenech.

Fenech, ingħata wkoll id-dettalji tal-pjani tal-Gvern li kienu qed isiru minn wara dahar kulħadd f’dak li għandu x’jaqsam kuntatti bejn il-Gvern Laburista u l-Ażerbajġan.

Is-sena l-oħra, Konrad Mizzi kien interrogat mill-pulizija dwar il-Whatsapp chats tiegħu ma’ Fenech fl-2019.

Sorsi li tkellmu mat-Times jgħidu li Mizzi ħeġġeġ lis-sid ta’ 17 Black biex iħassar il-Whatsapp wara li Fenech tilef il-mobile tiegħu waqt vjaġġ f’Miami, f’Jannar 2019.

Dawn l-messaġġi ikomplu jikxfu r-relazzjoni mill-qrib li Mizzi kellu ma’ Fenech… b’sorsi jgħidu li l-messaġġi huma mimlijin bews u kliem bħal “miss you” mibgħuta mill-Ministru lil Fenech.