Lokali Qorti

Akkużat b’serq minn ħanut waqt li kien fuq pleġġ ukoll dwar serq

Raġel li jinsab fuq pleġġ dwar serq, ġie meħlus minn arrest ieħor wara li reġa ‘ġie akkużat għal darba oħra fuq serq. Nico Spalding tressaq il-Qorti it-Tnejn f’jum għeluq it-23 sena tiegħu, akkużat li fit-22 ta’ Settembru wettaq serq sempliċi ta’ grinders tat-tabakk minn ħanut tar-rigali tal-Belt Valletta.

L-Ispettur Daryl Borg qal li r-raġel inqabad fuq CCTV jisraq l-oġġetti mill-ħanut. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-pleġġ u li wettaq reat waqt li kien taħt probation. L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab il-libertà proviżorja. Huwa nħeles kontra garanzija personali ta’ €5,000 u ġie ordnat jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum. L-Avukat Alfred Abela deher għall-akkużat. Il-Maġistrat Monica Vella ppresediet il-każ.