Internazzjonali

Awstrija: Schallenberg jieħu l-ġurament ta’ Kanċillier

Alexander Schallenberg hu l-Kanċillier ġdid tal-Awstrija. Dan wara li hu ngħata l-ġurament tal-ħatra mingħand il-President Awstrijak Alexander Van der Bellen, waqt ċerimonja fi Vienna.

Schallenberg, li qabel kien qed imexxi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, aċċetta l-kariga fi żmien ta’ taqlib sostanzjali u meta l-Gvern Awstrijak qed jipprova joħroġ bl-inqas danni minn skandlu ta’ korruzzjoni.

Intant, Sebastian Kurz, fi tmiem il-ġimgħa, irriżenja minn Kanċillier fost allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Dan meta hu u disa’ persuni oħra jinsabu taħt investigazzjoni wara li l-awtoritajiet mexxew sensiela ta’ rejds ‘relatati’mal-Partit tal-Poplu (OVP) konservattiv tal-istess Sebastian Kurz.