Budget 2022 Ekonomija Kummerċ Lokali

“Budget b’miżuri soċjali iżda ftit fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – UĦM

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget 2022 il-UĦM Voice of the Workers issostni li dan kien Budget b’sensiela ta’ miżuri soċjali iżda li fih inqas enfasi fuq il-viżjoni ekonomika fit-tul u ftit li xejn dwar kif se tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-UĦM tilqa d-deċizjoni li jiddaħħal il-portal tal-kuntratti tax-xogħol minkejja li diġà kien issemma fil-Budget tal-2016. Dan għandu jkun pass ’il quddiem filġlieda kontra l-prekarjat. Għalhekk il-union issa tistenna li ssir il-miżura l-oħra kruċjali biex ħaddiema bi dħul baxx jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom.

Fil-qasam ambjentali l-UĦM tilqa d-deċiżjoni li s-servizz tal-karozzi tal-linja se jsir b’xejn għal dawk kollha li għandhom tal-linja card u tinnota kif kienet għamlet din il-proposta sentejn ilu. Proposta oħra tal-UĦM li tħabbret mill-Ministru talFinanzi hi dik li kienet saret is-sena li għaddiet biex ikun hemm inċentivi ħalli propjetajiet li ilhom battala għal snin twal ikunu riabilitati.

L-union tesprimi wkoll sodisfazzjon li proposta li kienet għamlet għall-Budget tal2017 – dik li numru ikbar ta’ familji igawdu mill-in-work benefit – se titwettaq. Tilqa’ wkoll il-proposti dwar it-tnaqqis tat-taxxa fuq xogħol part-time li se tonqos minn 15% għal 10%, it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-overtime, u ħlas doppju fil-Ħdud għall-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu f’entitajiet tal-Gvern. Il-UĦM tittama li dawn il-proposti, li ilha tisħaq dwarhom, jitwettqu kollha u minnufih skont kif qed jiġi mwiegħed.

Il-UĦM tesprimi d-diżappunt tagħha kif għal sena oħra l-Gvern reġa’ żieda innefqa lil Steward li minn €50 miljun fl-2021 telgħet għal €70 miljun fl-2022 – nefqa li ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema. Id-diskors tal-Budget kien fjakk f’dak li għandu x’jaqsam mal-viżjoni tal-Gvern biex jattira setturi ekonomiċi ġodda lejn Malta li ma jiddependux fuq l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema u pagi baxxi.

Il-UĦM tinsab imħassba li l-Budget fih dipendenza qawwija fuq il-konsum u fuq l-investiment mill-Gvern stess. Dan fl-isfond tal-fatt li l-ekonomija jeħtieġ tiddiversifika biex ma tibqax tiddependi daqshekk fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Dwar l-għoli tal-ħajja il-UĦM twissi li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma tirriflettix iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali. Għalhekk tappella lill-Gvern biex filwaqt li jibda kemm jista’ jkun malajr id-diskussjonijiet dwar mekkaniżmu ġdid għal dawk bi qligħ baxx, jibda l-proċess ukoll biex tkun riveduta l-COLA biex verament ħadd ma jibqa’ lura.

Dwar il-pensjonanti, il-UĦM tilqa iż-żidiet imħabbra fil-Budget kif ukoll il-bidu ta’ proċess li se jwassal biex fuq medda ta’ ħames snin, min laħaq l-età tal-irtirar u baqa’ jaħdem ikollu komputazzjoni tat-taxxa separata għad-dħul li ġej minn dan ix-xogħol. B’hekk il-pensjonanti li jibqgħu jaħdmu jħallsu inqas taxxa.

B’mod ġenerali l-UĦM Voice of the Workers tħoss li dan il-Budget qed jagħmel enfasi fuq miżuri soċjali imma kienet tistenna impenn akbar fuq il-pjan tal-Gvern biex il-pajjiż se joħroġ mil-lista l-griża u tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.