Lokali

Budget li jinċentiva investiment, iżda jinjora l-greylisting – Kamra tal-SMEs

Il-Kamra tal-SMEs tispjega li x-xogħol sabiex Malta toħroġ mill-Greylisting għaddej ġmielu u huwa mistenni li jagħti r-riżultati mixtieqa. Madankollu jonqos milli jindirizza kif din il-Greylisting qed taffettwa s-sinsla tal-ekonomija tagħna, l-SMEs Maltin.

Waqt diskussjonijiet dwar il-Budget, il-Kamra tal-SMEs enfasizzat fuq l-importanza li jiġu evvalutati l-ispejjeż u l-piżijiet addizzjonali li qed jinġabru fuq l-SMEs mid-diversi istituzzjonijiet finanzjarji u regolatorji mingħajr approċċ ibbażat fuq ir-riskju jew immexxi mill-proporzjonalità. In-negozji qed jiġu kkastigati kuljum u dan mhux aċċettabbli li l-istrateġija tal-greylisting tiġi għad-detriment pur tal-SMEs Maltin.

Il-Kamra tal-SMEs innutat diversi iniżjattivi postivi li ħarġu mill-budget 2022 li se jimmiraw sabiex imexxu lin-negozji kif ukoll lill-ħaddiema ‘l quddiem. Meta wieħed jindirizza l-kriżijiet tar-riżorsi umani ta’ Malta, l-Budget irriżulta fi premjijiet għal dawk li jagħżlu li jaħdmu aktar permezz ta’ benefiċċji fix-xogħol u inċentivi fiskali.

Fl-istess ħin il-Baġit jirrikonoxxi l-appoġġ li jeħtieġu n-negozji wara l-pandemija fl-investiment. L-inċentivi milqugħa jinkludu l-permess tat-trasferibilità tal-kapital allowances, benefiċċji tat-taxxa fuq profitti investiti mill-ġdid, skemi ta’ finanzjament u diversi skemi oħra li tinkoraġġixxi s-sostenibbiltà u timxi lejn enerġija nadifa fost oħrajn. Inċentivi favur trasport ekoloġiku, elettrifikazzjoni ta’ vetturi u sostenibbiltà tal-bini juru wkoll impenn ċar immirat biex jagħmel lil Malta pajjiż aktar nadif u aktar attraenti għal nies tal-lokal u għat-uristi bl-istess mod.