Budget 2022 Lokali Turiżmu

“Budget b’diversi inċentivi” – MHRA

Fl-ewwel reazzjonijiet tagħha għall-Budger, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, qalet li dan huwa Budger li jinvesti fil-kwalità tal-ħajja. L-MHRA tinnota b’sodisfazzjon diversi inċentivi li jindirizzaw lin-nies, l-ambjent u l-prosperità kif kien irrakkomandat fil-proposti ta’ qabel il-baġit li ressqet l-istess Assoċjazzjoni.

L-MHRA qalet li l-benefiċċji tax-xogħol li jippremjaw il-produttività, it-tnaqqis tat-taxxa fuq ir-rati part-time u tas-sahra, l-estensjoni tac-childcare b’xejn barra l-ħinijiet normali tal-uffiċċju, it-trasport pubbliku b’xejn lir-residenti Maltin, l-opportunitajiet ta’ taħriġ u proċeduri mtejba għar-reklutaġġ tal-impjegati huma miżuri ċari li jappoġġjaw is-settur tat-turiżmu u tal-ospitalità. “Dawn il-miżuri flimkien jindirizzaw waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tagħna fost l-oħrajn fl-ekonomija.”

Minn perspettiva ambjentali, l-MHRA tinnota inċentivi li jinkoraġġixxu tmexxija mtejba tal-konsum, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-enerġija li jwasslu għal operazzjonijiet ekoloġiċi fis-settur tat-turiżmu, inċentivi ta’ konservazzjoni u restawr u t-tisbiħ taż-żoni turistiċi bħala passi fid-direzzjoni t-tajba.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-enfasi tal-baġit fuq l-iżvilupp sostenibbli b’enfasi speċjali fuq l-inċentivi fiskali għall-investiment mill-ġdid fin-negozju, u fuq il-konnettività u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott turistiku huma inċentivi tajbin. L-MHRA tfaħħar iż-żieda fil-baġits għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u diversi entitajiet tal-gvern li għandhom il-kompitu li jżommu u jindaddfu l-ispazji pubbliċi.